Lokali

The Malta Independent issostni li l-Gvern qed jipprova jdawwar l-attenzjoni tal-poplu minn fuq l-iskandli

L-attentati li qed jagħmel il-Gvern biex jipprova jagħti l-impressjoni li l-Oppożizzjoni qed titkisser huma biss diversiv biex il-Gvern jipprova jdawwar l-attenzjoni tal-opinjoni pubblika u tal-poplu mill-iskandli kbar u ripetuti li qed jitwettqu minnu.

Sostna dan, il-ġurnal The Malta Independent fl-Editorjal imsejjaħ “Reaching the Bottom of the Box of Tricks”, li juri kif quddiem il-kriżijiet kontinwi ta’ skandli, korruzzjoni u nuqqas ta’ governanza, il-Gvern beda kampanja biex jattakka lill-Oppożizzjoni.

L-Editorjal sostna li b’dawn it-tattiċi tiegħu, il-Gvern laħaq l-agħar livelli possibbli. Dan għaliex wara li kien żvelat il-każ tal-Panama Papers, il-Gvern daħal fi strateġija li l-ewwel baqa’ sieket għal ġimgħat sħaħ, iżda mbagħad ma setax ma jirreaġixxix għall-pressjoni pubblika li saritlu.

Il-ġurnal kompla li għal diversi drabi, il-Gvern u l-alleati tiegħu qed jidhru li għandhom x’jaħbu, tant li qed jistrieħu fuq il-maġġoranza parlamentari, fejn Deputati qed jiġu sfurzati jivvutaw favur il-Gvern u kontra dak li jemmnu fih.

L-Editorjal sostna li mal-iskandlu tal-Panama qed joħorġu aktar u aktar skandli, li fihom anke Uffiċjali Sekondarji fil-Gvern qed jagħmlu bħas-superjuri tagħhom u jdawwru l-opportunitajiet fi flus. Madankollu, u quddiem dawn l-iskandli kollha, il-Gvern qed jipprova jagħti l-impressjoni li l-Oppożizzjoni qed tikkrolla billi jispekula fuq stejjer li ma jkunu veri.

The Malta Independent sostna li dawk li ma emmnux lill-Gvern fuq l-iskandlu tal-Panama Papers, illum iħarsu lejn l-istejjer li qed joħloq il-Gvern fuq l-Oppożizzjoni u jitbissmu.

Għaldaqstant, b’dak li qed jagħmel, il-Gvern qed ikompli jogħdos aktar ‘l isfel, temm jgħid l-Editorjal.