Futbol Sport

Malta vs Kroazja: Gowl uniku jagħti l-kwalifikazzjoni lill-Kroazja

Minn Stewart Said

MALTA…………..0
KROAZJA………..1

Gowl uniku f’nofs l-ewwel taqsima ta’ Ivan Perisic kien biżżejed għal Kroazja biex jegħleb lit-tim Malti biex wara t-telfa tan-Norveġja kienu huma li kwalifikaw għal fażi finali tal-kampjonat Ewropew 2016. Minkejja t-telfa, it-tim Nazzjonali kellu partita tajba fejn irnexxilu jaqsam il-logħob ma’ avversarji aktar kwotati speċjalment fit-tieni taqsima. Id-difiża kienet kompatta għajr ftit diżattenzjoni filwaqt li nofs il-grawnd ftit ta’ spazji lill-plejers bħal ta’ kalibru bħal Rakitic u Kovacic.

Din il-logħba kienet l-aħħar waħda għat-tim Malti f’dan il-grupp, grupp li minkejja li spiċċa fl-aħħar post wera titjib, fl-idea tal-logħob, aktar pussess tal-ballun filwaqt li d-difiża kienet aktar kompatta minn snin preċedenti b’total ta’ 16-il gowl sofruti minn għaxar logħbiet.

Il-kowċ Nazzjonali Malti Pietro Ghedin għamel żewġ bidliet mit-telfa kontra n-Norveġja. Wara li ġie inkluż fl-aħħar tletin minuta fl-aħħar konfront, Joseph Zerafa ġie preferut minn Alex Muscat fuq in-naħa leminija filwaqt li Bjorn Kristensen ġie nkluż f’nofs il-grawnd flok Paul Fenech.

Il-Kroati ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluza wara għaxar minuti meta Nikola Kalinic sab spazju fid-difiża, żmarka ruħu tajjeb u prova b’xutt tajjeb li sab lil Hogg pront biex jimblokka parzjalment, il-ballun reġa’ spiċċa għand Kalinic iżda t-tentattiv tiegħu għadda għoli.

Żewġ minuti Rakitic krossja tajjeb fuq in-naħa xellugija lejn Perisic li prova b’xutt b’saħħtu mill-ewwel bix-xellug li għadda barra. It-tim Malti wieġeb fit-13-il minuta f’azzjoni maħduma tajba bejn Bjorn Kristensen li għadda lejn Andre Schembri, dan kompla bit-takkun lejn Roderick Briffa li prova b’xutt mill-ewwel li spiċċa barra. Ħames minuti, Rakitic prova b’xutt minn tarf il-kaxxa li għadda barra.

It-tim Malti appella għal penalty fil-21 minuta meta Andre Schembri għadda ballun preċiż wara d-difiża lejn Alfred Effiong li ġie f’kuntrast ma’ Subasic iżda r-referee Clattenburg ħalla l-logħob għaddej. Il-Kroati marru qrib il-gowl fit-23 minuta meta minn kross fit-tul mil-lemin, il-ballun spiċċa fuq it-tieni lasta għand Perisic li prova b’daqqa ta’ ras li ħabtet mal-art u spiċċat barra.

Iżda l-plejer ta’ Inter irnexxilu jsib ix-xibka żewġ minuti wara meta d-difiża klirjat parzjalment kross mil-lemin, il-ballun spiċċa għand il-Kroat li b’xutt li ġie ftit mxellef spiċċa fix-xibka fuq in-naħa xellugija ta’ Hogg.

Wara l-gowl, il-Kroazja dehru aktar rilassati filwaqt li naqqset ċertu grinta tal-ewwel minuti fit-tim Malti tant li l-Kroazja setgħu marru tnejn minn fuq meta man-nofs siegħa logħob, Perisic krossja lejn Marko Pjaca li kkontrolla b’sidru u prova b’xutt perikoluż li fortunatament spiċċa fuq il-mimduda.

It-tim Malti ħareġ aħjar fit-tieni taqsima u beda jaqsam il-logħob mal-avversarji. Fil-50 minuta xutt b’saħħtu bix-xellug ta’ Clayton Failla ġie salvat tajjeb minn Subotic. Il-Kroati bdew isibuha diffiċli biex jimpostaw il-logħob tagħhom u kien biss fid-59 minuta li minn azzjoni ta’ korner, xutt fil-baxx ta’ Perisic ġie salvat minn Hogg. Il-Maltin komplew juru titjib fil-logħob tagħhom tant li bdew igawdu minn pussess tajjeb bil-għan li jaslu sal-kaxxa bil-għan ikun li i l-passaġġi ta’ Andre Schembri jaslu għand Alfred Effiong, iżda kien hemm li l-koppja difensiva Kroata bdiet tinterċetta l-blalen.

Il-Kroazja marru qrib it-tieni gowl fis-77 minuta meta Pjaca prova b’xutt b’saħħtu fil-baxx, iżda sab lil Hogg pront idawwar f’korner. Bid-distakk jibqa’ ta’ gowl, fl-aħħar mumenti t-tim Malti prova jattakka wkoll u tefa’ lura lill-Kroazja b’Andrew Hogg saħansitra jitla’ jgħin lill-sħabu fl-aħħar attakk li ma kienx effetti biex ma tmiem is-suffara finali l-Kroati ħarġu jifirħu f’nofs il-grawnd.

Malta vs Croatia (2)

Malta vs Croatia (1)