Internazzjonali

Maltemp qalil fil-pajjiżi Skandinavi

epa05048835 A picture made available on 30 November 2015 of trees on the E6 road i Landskrona, Sweden, 29 November 2015. EPA/JOHAN NILSSON SWEDEN OUT

Il-pajjiżi Skandinavi bejn il-Ħadd u t-Tnejn inħakmu minn maltemp qalil aktar mis-soltu. Dan ħalla 35,000 persuna bla elettriku fl-Iżvezja u għamel il-ħsara fil-bini inkluż fil-pontijiet bejn l-Iżvezja u d-Danimarka.
Fid-Danimarka, ir-riħ laħħaq qawwa ta’ 130 kilometru fis-siegħa. Ir-riħ beda jaħkem tard il-Ħadd filgħaxija u kompla għal madwar erba’ sigħat. In-Norveġja ħelsitha ħafif minn dan il-maltemp.
Uffiċjali fiż-żewġ pajjiżi qalu li minkejja l-ħsara li saret, ma kienx hemm vittmi.
Uffiċjali fid-Danimarka qalu li issa l-maltemp kien batta u resaq lejn il-Finlandja u l-Estonja fejn l-ivvjaġġar bil-vapuretti tħassar minħabba l-baħar imqalleb.
Fil-Latvja u l-Litwanja, l-ivvjaġġar bil-baħar ukoll tħarbat u kien hemm rapporti ta’ ħsarat fil-bini kif ukoll siġar li tqaċċtu.