Lokali

Manwel Cuschieri issa b’attakk kontra l-eks Kunsillier Laburista Ivan Bartolo

Ikomplu l-attakki tal-eks President tal-Partit Laburista Manwel Cuschieri fuq Facebook, hekk kif din id-darba spiċċa fil-mira tiegħu l-preżentatur u eks Kunsillier Laburista Ivan Bartolo. Fuq Facebook, aktar kmieni x-xahar li għadda Cuschieri kien attakka wkoll lill-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard u liċ-Chief of Staff ta’ Manwel Mallia, Silvio Scerri, filwaqt li wiegħed li se jkun qed isemmi b’isimhom lil persuni li b’xi mod jimbarazzaw lill-Gvern Laburista. Cuschieri kiteb ukoll li mhux se jippermetti lil ħadd jagħmel ħsara lill-Gvern Laburista.

Fl-aħħar kummenti tiegħu, dwar Ivan Bartolo, Cuschieri attakkah għax esprima opinjoni fil-gazzetta Il-Mument. L-eks President tal-PL akkuża lil Bartolo li ħareġ jattakka lill-PL għax fl-opinjoni li kiteb fil-ħarġa tal-bieraħ, ikkritika lill-Gvern Laburista fuq dak li ħabbar dwar il-proġett tal-White Rocks. Fl-opinjoni tiegħu, intitolata “Il-White Rocks … min imaqdar irid jixtri”, Bartolo kkritika lill-Gvern li se jagħti madwar 400 tomna, magħmula mhux biss minn art diġà żviluppata, iżda wkoll xagħri, art maħduma u art verġni. Fisser dan il-proġett bħala stupru u qal li dan hu mibni mill-bażużli għall-bażużli, filwaqt li se jkun l-akbar prova tal-u-turn tremenda li għamel il-PL.

B’referenza għal dan l-artiklu, Manwel Cuschieri kompla li dan juri kemm l-eks Kunsillier Laburista fil-Mosta politikament ma jaf assolutament xejn. Fil-post tiegħu, Cuschieri qal li qed jitkeb hekk biex min isegwieh fuq Facebook ma jħalli lil ħadd jingannah u biex jistma lil kulħadd ta’ li hu. Dawn il-kummenti tal-eks President tal-PL qanqlu bosta kummenti minn Laburisti oħrajn, li nfexxew jattakkaw lil Bartolo taħt l-istess post. Kien hemm min qal li Ivan Bartolo dejjem kien ġakbin, filwaqt li persuna oħra qalet li Bartolo messu jbus saqajn Joseph Muscat.

Persuni oħrajn attakkaw lil Bartolo li nesa kemm mar tajjeb mas-Super One, filwaqt li akkużawh li hu buffu, ipokrita, opportunist jew pinnur. Persuni oħrajn saħansitra rreferew għall-orjentazzjoni sesswali tiegħu, bl-iskop li jirredikolawh. Kien hemm min akkuża lil Bartolo li bħala Kunsillier f’isem il-PL fixkel il-ħidma tal-Kunsill tal-Mosta fi żmien maġġoranza Laburista, filwaqt li xi ħaddieħor qal li l-opinjoni tiegħu f’dan l-artiklu hi naħqa ta’ ħmar.

Madankollu, dawn il-kummenti qanqlu wkoll l-għadab ta’ Laburisti. Persuna minnhom appellat għal aktar prudenza u qal li meta wieħed jibda jfajjar, aktar jitgerrxu nies mill-partit. Ieħor appella biex attakki personali fuq Bartolo jitneħħew minn din il-post. Ħaddieħor qal li “forsi Ivan deher iżda għandna Laburisti li kibritilhom rashom, tant li lil-Laburisti jagħtuhom kastig jew warning f’Għawdex u b’hekk qed jagħmel ħsara lill-Gvern”. Hu kompla li “il-Laburisti ddispjaċuti minn Laburisti oħrajn li tikbrilhom rashom jew Nazzjonalisti li baqgħu fejn huma”.