Lokali

Manwel Cuschieri jattakka lil min “xeba’ jimbarazza lil Ministru tiegħu u lil Gvern Laburista”

L-eks President tal-Partit Laburista Emanuel Cuschieri ħadha qatta’ bla ħabel kontra xi ħadd, li ħafna fehmu li hu ċ-Chief of Staff tal-Ministru Manwel Mallia Silvio Scerri, għaliex skont hu qed jagħmel ħsara lil Gvern.

F’post li kiteb fuq Facebook, Cuschieri qal li issa wasal iż-żmien li jerġa’ jibda jitkellem ċar ħafna u qal li f’din il-post partikolari qed jirreferi għal sieħeb il-Kap Eżekuttiv tal-PBS Anton Attard li l-istess Attard mingħalih li jista’ jsib l-appoġġ tiegħu.

Ix-xandir tal-istat jaqa’ taht ir-responsabbilta’ ta’ Manwel Mallia, u Silvio Scerri, apparti li hu qrib ta’ Anton Attard, li Manwel Cuschieri fetaħ attakk fuqu wkoll, huwa wkoll l-aktar persuna f’kariga għolja f’dan il-Ministeru. Dwar Anton Attard, l-eks President Laburista reġa’ kiteb li dan għandu jispiċċa b’mod immedjat mill-PBS.

U f’dik li tidher li hi riferenza għal Silvio Scerri, Cuschieri qal li dan il-persuna bl-atteġġjament tiegħu “xeba’ jimbarazza lil Ministru tiegħu u lil Gvern Laburista.”

U kompla li hu, kif kien wiegħed, se jibda jsemmi b’isimhom lil dawk li b’xi mod jimbarazzaw lil Gvern Laburista. U mhux se jippermetti lil ħadd jagħmel ħsara lil Gvern Laburista.

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-kummenti ta’ Cuschieri, u anke dawk li tħallew taħt il-post tiegħu fuq Facebook, jixhdu kif anke l-Laburisti stess jinsabu mdejjqa bl-attitudni u l-azzjonijiet ta’ nies qrib tal-Ministri li ngħataw karigi għoljin, bħalma huwa f’dan il-każ Silvio Scerri li fl-aħħar xhur kien involut f’kontroversja waħda wara l-oħra.

Sorsi mill-qalba tal-Partit Laburista ilhom iwasslu l-informazzjoni lil dan l-istazzjon li fil-verita’ l-Ministeru ta’ Manwel Mallia mhux jitmexxa mill-Ministru imma mill-Kap tas-Segretarjat, jew iċ-Chief of Staff tieghu, Silvio Scerri. U deċiżjonijiet li ttieħdu fl-aħħar xhur u ġimgħat u li dejqu lil ħafna nies, huma xhieda ta’ dan.