Lokali

Maqtula tajra protetta

Minkejja l-protesti wara l-qtil ta’ iktar minn 20 tajra protetta matul il-ġimgha li għaddiet, il-qtil illegali tal-għasafar għadu għaddej.

Qalet dan fi stqarrija l-għaqda CABS wara li llum ġibdet filmat ta’ kif kaċċatur qatel tajra protetta fiż-żona ta’ Ġebel Ciantar. It-tajra kienet tagħmel parti minn grupp ta’ għasafar li sabu kenn fil-Ġonna tal-Buskett u kienet maqtula ftit sekondi biss qabel ma laħqet il-baħar fiż-żona ta’ Għar Lapsi.

L-istqarrija tal-CABS tgħid li fiż-żona fejn waqgħet it-tajra li nqatlet kien hemm mill-inqas ħames kaċċaturi li jew komplew bil-kaċċa tagħhom jew telqu miż-żona qabel ma l-pulizija waslu fuq il-post 45 minuta wara li l-CABS infurmawhom b’dak li ġara. Uffiċjali tal-ALE fittxu fiż-żona iżda ma rnexxielhomx isibu t-tajra jew lill-kaċċatur li qatel lit-tajra protetta.

Kelliem għall-CABS qal li l-pulizija  mhijiex tkun effettiva biex iġġib is-sitwazzjoni lura għall-kontroll minħabba li tieħu ħafna ħin biex tmur fuq il-post. Huwa tenna l-appell tiegħu biex jitwaqqaf Wildlife Crime Unit  li jħares il-protezzjoni tal-għasafar.

Il-CABS tingħaqad ukoll ma’ Birdlife Malta u l-programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti li appellaw lill-Prim Ministru biex jagħlaq l-istaġun tal-kaċċa minħabba n-numru ta’ illegalitajiet li seħħew matul dan l-istaġun.