Lokali

Mara fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żebbuġ

Mara ta’ 54 sena residenti s-Siġġiewi tinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident tat-traffiku li seħħ għall-ħabta tas-13:20 fi Triq is-Siġġiewi, Ħaż-Żebbuġ.

L-inċident seħħ wara ħabta head-on bejn Toyota Vitz misjuqa mill-mara fid-direzzjoni tas-Siġġiewi u trakk tal-konkos misjuq minn Serb ta’ 43 sena.

Mal-impatt, ir-rota ta’ quddiem tat-trakk tal-konkos infaqgħet, bil-konsegwenza li t-trakk spiċċa man-naħa l-oħra tat-triq, fejn tela’ l-bankina u waqaf mal-ħajt. Min-naħa l-oħra l-karozza tal-mara spiċċat daret fuqha nnifisha tħares bil-kontra.

Fuq il-post waslu membri tal-Protezzjoni Ċivili li wettqu ħidma biex inħarġet il-mara mill-karozza, u ttieħdet b’ambulanza lejn l-isptar Mater Dei għall-kura.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa, li ħatar diversi esperti biex jassistuh f’inkjesta maġisterjali. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tal-Għassa ta’ Ħal Qormi.

Għal xi ħin din it-triq prinċipali ngħalqet għat-traffiku sakemm sar l-aċċess u tnaddfet it-triq mit-tifrik.

INCIDENT ZEBBUG

 

incident