Lokali

Mara ta’ 35 sena fil-periklu tal-mewt wara li ttajret minn tal-linja f’Putirjal

Ritratt: Arkivji

Mara ta’ 35 sena, mill-Mosta tinsab fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqtet minn xarabank dalgħodu għall-ħabta tat-8:15a.m fl-inħawi magħrufa bħala Putirjal, il-Belt Valletta.

Minn stħarriġ preliminari mill-Pulizija tad-Distrett tal-Belt, li qegħdin jinvestigaw l-inċident, jirriżulta li l-mara ntlaqtet minn tal-linja, misjuq minn raġel ta’ tletin sena li joqgħod Wied il-Għajn.

Il-mara, ittieħdet b’ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li tinsab f’qagħda kritika.

Il-Maġistrat tal-Għassa ġie nfurmat bil-każ u ħatar diversi esperti biex jassistuh f’inkjesta maġisterjali.

Fi stqarrija il-Malta Public Transport kkonfermat l-inċident u qalet li l-kumpanija qed tgħin lill-awtoritajiet kompetenti fl-investigazzjonijiet tagħhom.