Lokali

Mara tintlaqat minn karozza f’Għajnsielem u ssofri ġrieħi gravi

Ritratt: Arkivji

Mara ta’ 75 sena sofriet ġrieħi gravi wara li kienet involuta f’inċident stradali.

L-inċident seħħ ġewwa Pjazza tad-Dehra f’Għajnsielem Għawdex, meta karozza tat-tip Volkswagen Golf laqtet lill-mara li hi residenti f’Għajnsielem stess. Il-vettura kienet misjuqa minn ġuvni ta’ 27 sena residenti n-Nadur.

Mal-ewwel fuq il-post tal-inċident marret ambulanza li ħadet lill-feruta l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex fejn aktar tard hi ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi gravi.

Madanakollu, fortunatament il-mara ma tinsabx fil-periklu li titlef ħajjitha.

L-investigazzjoni tal-Pulizija f’Għawdex dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.