Lokali

Maratona fuq Radio 101 b’risq il-midja tal-PN

Minn għada, preċiżament wara l-bulletin tal-aħbarijiet ta’ nofsinhar, fuq Radio 101 jingħata bidu għal maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Il-maratona se tikkonsisti f’xandira kontinwa ta’ 20 siegħa ta’ mużika, bl-għażla tkun esklussivament f’idejn is-semmiegħa tal-istazzjon li qed ikunu mħeġġa kemm biex iċemplu u kemm biex jiġu fl-istudios matul dawn is-sigħat ta’ xandir. L-uniċi interruzzjonijiet se jkunu għall-aġġornament tal-aħbarijiet minn ħin għall-ieħor.

Kemm dawk li jċemplu kif ukoll dawk li jiġu bid-donazzjoni tagħhom fl-istudios tal-istazzjon, se jidħlu biċ-ċans li jirbħu diversi rigali sbieħ – fosthom numru kbir ta’ ikliet – li r-rebbieħa tagħhom jitħabbru waqt l-istess xandira.

Fil-maratona se jieħdu sehem diversi preżentaturi ta’ Radio 101, li lkoll se jkunu qed joffru l-ħin tagħhom b’mod volontarju. Dawn se jkunu wkoll qed jallegraw il-pubbliku b’logħob forma ta’ sfidi interessanti bejniethom. Manila Bottone hija l-koordinatriċi tal-maratona għal ġbir ta’ fondi ‘għal midja aktar b’saħħitha’ li ser tkun qegħda ssir fuq Radio 101.

Il-maratona tibqa’ għaddejja sat-Tnejn fit-8.30 ta’ filgħodu.

Dawk li jridu jagħtu donazzjoni jistgħu jċemplu fuq dawn in-numri: €10 – 51602003; €25 – 51802011; €50 – 51902050. Min irid jista’ jibgħat ukoll sms b’donazzjoni ta’ €6.99 fuq in-numru 50618928.