Lokali

Mario de Marco jiċħad l-allegazzjonijiet u jispjega l-fatti

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco ħareġ stqarrija wara storja li dehret fil-ħarġa tal-llum tal-gazzetta MaltaToday li fiha hemm allegazzjoni li de Marco kiser il-Kodiċi ta’ l-Etika tal-Ministri. Mario de Marco spjega li huwa sid ta’ propjeta’ li fl-2009 fiha bdew isiru xogħol ta’ tiswija. F’dan il-post ma’ jgħix ħadd u x-xogħol għadu s’issa mhux lest. Matul is-snin, spjega Mario de Marco, huwa ngaġġa bosta kuntratturi sabiex jagħmlu xogħol fuq din il-propjeta’; xogħol li għalih de Marco dejjem ħallas.

Il-kumpanija Redmap Ltd ġiet mqabbda tagħmel xi xogħol żgħir fl-2011 wara li tlesta ix-xogħol ta’ kostruzzjoni. Bejn l-2011 u l-2015 dan ix-xogħol mgħoti lil Redmap Ltd sar b’mod sporadiku u mhux b’mod kontinwu b’xi xogħol żgħir għadu pendenti sal-llum.

Mario de Marco spjega li minkejja bosta talbiet għal kont Redmap Ltd baqgħet tinsisti li l-kont jintgħat ġa la darba x-xogħol ikun lest. Spjega li din is-sena stess huwa kien reġa talab kont bil-kumpanija Redmap Ltd sa fl-aħħar f’Marzu tibgħat kont ta’ ftit inqas minn €34,000 inkluż VAT, liema somma ġiet mħallsa.

Mario de Marco ċaħad li f’xi mument kien hemm il-ħsieb li x-xogħol minn Redmap Ltd kien rigal u sostna li x-xogħol minn din il-kumpanija kien bħax-xogħol li sar minn kull kuntrattur ieħor, a’ bażi ta’ ħlas.

“Dan huwa attentat ieħor mill-Prim Ministru Muscat sabiex jipprova jiddevja l-attenzjoni mill-allegazzjonijiet ta’ koruzzjoni li qegħdin jifnu l-gvern immexxi minnu u dan wara tmexxija ħażina minn Muscat b’rabta ma’ l-iskandlu tal-Panama Papers u skandli oħra li karaterrizaw l-amministrazzjoni tiegħu” spjega Mario de Marco. Saħaq li minflok jirrikorri għat-tfiegħ tat-tajn Muscat għandu jagħmel dak li huwa mistenni minnu u jkeċċi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri minnufih.