Parlament

Mario de Marco kompla bl-intervent tiegħu fid-diskussjoni dwar il-mozzjoni li temenda l-ordnijiet permanenti.

Mario de Marco qal waħda mill-emendi proposti hi biex meta jkkun hemm sejħa għal kworun, is-sospensjoni titwal għal 15-il minuta minflok ħames minuti kif hi llum. Hu stasqa jekk emenda bħal din hix tagħmel il-Parlament aktar effiċjenti. Staqsa wkoll jekk din saritx biex il-Gvern ikollu żmien itwal ħalli jlaqqa’ l-Membri tiegħu. Mario de Marco qal li dan kollu qed isir fl-istess waqt li l-Gvern qed jipproponi li Membru Parlamentari jeħel €50 jekk ma jattendix seduta mingħajr ġustifikazzjoni.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li emenda oħra hi dik li jnaqqas il-ħin li fih Membru Parlamentari jista’ jagħmel intervent. Dan tqassar minn 40 minuta għal 30 minuta.

Mario de Marco qal li mhux sew li qed ikun imnaqqas il-ħin li fih l-Oppożizzjoni tista’ twieġeb għal xi stqarrija li ssir min-naħa tal-Gvern. Emenda oħra hi dik li kull talba għal vot tittieħed fis-seduta tal-Erbgħa.

L-Oppożizzjoni Laburista fl-amministrazzjoni preċedenti kienet iddeskriviet mozzjoni simili bħala miżura faxxista. Dan meta l-Gvern kellu maġġoranza ta’ siġġu wieħed.

Mario de Marco qal li emenda li l-Oppożizzjoni taqbel magħha hi dik li jkun hemm Kumitat Permanenti għall-petizzjonijiet. Hu ta’ sodisfazzjon li l-Gvern ħa dan il-pass wara li l-Partit Nazzjonalista kien ipproponiha fid-dokument dwar ‘good governance’.

Il-Viċi Kap Nazzjonalista qal li ma jaqbilx mar-restrizzjonijiet li qed isiru dwar laqgħat li jista’ jkun hemm fil-ġurnata tal-Ħamis li hu ġurnata assenjata għal xogħol tal-Oppożizzjoni. L-emendi proposti mill-Gvern jistgħu jwasslu biex matul is-sena jkun hemm tliet seduti biss li fihom jista’ jsir xogħol imressaq minn membri privati.

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni qed tipproponi li s-seduti jkunu alternati kull nhar ta’ Ħamis darba għall-Gvern u darba għall-Oppożizzjoni. Jekk xi naħa jew oħra ma tieħux il-ħin li jkollha, dan ma jtellifx li ssir seduta l-ġimgħa ta’ wara lil min ikun imiss.

L-Oppożizzjoni qed tipproponi wkoll li darba fil-ġimgħa jkun hemm ħin tal-mistoqsijiet li jkun dedikati kollu biex il-Prim Ministru jwieġeb domandi li jsirulu.

Mario de Marco qal li jaqbel li jkun hemm Kumitat Permanenti dwar il-petizzjonijiet. Dan il-Kumitat ikun jista’ jisma’ r-raġuni wara t-talba tal-petizzjoni u jissuġġerixxi dak li għandu jsegwi.

Mario de Marco qal li s-serjetà fix-xogħol tal-Parlament ma ssirx biss billi jkun hemm multa fuq Membri Parlamentari li ma jattendux. Hemm ħafna aktar x’isir. Il-poplu jistenna mill-Parlament li jkun trasparenti u ma jridx sitwazzjoni li fiha l-informazzjoni mitluba ma tingħatax.