Futbol Sport

Mark Borg: Din hi opportunità mitlufa għal futsal lokali, iżda s-sigurtà pubblika ingħatat il-prijorità

Il-President tal-Futsal Malta Association tkellem ma’ netnews.com.mt dwar l-aħħar żviluppi fil-logħba Valletta vs Ħamrun li se tintlagħab għada fit-8.00pm fil-Padiljun ta’ Kordin bil-bibien magħluqa wara l-inċidenti li ltaqgħu fit-tieni play-off.

Borg qal li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futsal ikkummissjonat dan ir-Risk Assessment wara talba mill-Pulizija. Mistoqsi x’wassal biex ittieħdet din il-konklużjoni li l-logħba tintlagħab bil-bibien magħluqa, Mark Borg qal li kien hemm diversi fatturi fosthom l-aħħar inċidenti, il-logħob kif inhu l-padiljun, il-livell ta’ sigurta għad-dispożizzjoni, l-atmosfera preżenti bejn iż-żewġ klabbs, l-ispezzjoni li saret fuq is-sit u intervisti ma’ stakeholders independenti.

Kawża li l-partita se tintlagħab mingħajr partitarji, teżisti possibiltà li xi partitarji miż-żewġ naħat ikunu fuq in-naħa ta’ barra tal-Padiljun. Borg wieġeb li din is-sitwazzjoni ttieħdet inkonsiderazzjoni mill-Pulizija. Mistoqsi x’poter għandha l-FMA f’dawn iċ-ċirkostanzi, Borg qal li l-FMA m’għandha l-ebda awtorità f’dawn iċ-ċirkostanzi.

Fiż-żewġ konfronti preċedenti kien hemm attendenza tajba miż-żewġ settijiet ta’ partitarji, u dan hu xhieda li l-isport qed ikompli jikber. F’din is-sitwazzjoni, il-President tal-FMA qal li “din hi opportunità mitlufa biex nagħmlu reklam għal logħba tagħna, iżda s-sigurta pubblika ingħatat il-prijorità.

B’din id-deċiżjoni jista’ jagħti l-każ li seta’ nħoloq preċedent għal partiti futuri, iżda Borg sostna li dan hu l-aħħar staġun li l-Futsal se jintlagħab Kordin u fis-snin li ġejjin, is-sitwazzjoni se jkollha tiġi riveduta. Borg qal ukoll li hu ma rċieva l-ebda korrispondenza uffiċjali miż-żewġ klabbs dwar id-deċiżjoni, iżda jinsab konxju li Valletta mhux sodisfatti bid-deċiżjoni.

Il-partita tal-ġimgħa l-oħra kienet tħassret wara li ġurnata qabel Valletta kienu appellaw mis-sospensjonijiet bir-raġuni li ngħatat kienet minħabba l-klima taż-żewġ partitarji. Mistoqsi x’inhi s-sitwazzjoni fuq l-appelli, Borg qal li s-sanzjonijiet dixxiplinarji tal-plejers hi responsabbiltà tal-Bord tad-Dixxiplina tal-MFA kif ukoll l-appelli u għalhekk l-FMA m’għandha l-ebda vuċi fuq din għaliex mhix responsabbli tagħha. Mistoqsi wkoll kif ħarġet l-aħbar li l-logħba se tintlagħab anqas minn 48 siegħa wara l-avviż, Borg qal li l-messaġġ ġie komunikat mill-aktar fis wara li huma rċevew ir-rapport.

Il-President Mark Borg qal li japprezza li numru ta’ partitarji kienu diżappuntati bid-deċiżjoni finali, iżda bir-riżultat tar-risk assessment, Borg qal li l-FMA kienet tkun irresponsabbli li tmur kontra din ir-rakkomandazzjoni. Borg tenna li l-ebda partitarju ma jista’ jidħol fil-padiljun lanqas wara li t-tim tiegħu jirbaħ il-partita.