Lokali Parlament

Marlene Farrugia sejħet għar-riżenja tal-Ministru Helena Dalli

Int ħattejt dak li l-mara ggwadanjat fl-aħħar 30 sena

Id-Deputat Marlene Farrugia sejħet għar-riżenja tal-Ministru Helena Dalli għal diskors li għamlet illum waranofsinhar fil-Parlament meta sostniet li n-nisa m’għandhomx jilagħbuha tal-vittmi.

Marlene Farrugia qalet li dan il-kliem ifisser li lil min irid ifttex ġustizzja minħabba vjolenza, għandu joqgħod kwiet u jaqla’ ġo fih.

Fid-dibattitu tal-lejla fil-Parlament dwar il-mozzjoni li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dalgħodu lill-Ispeaker – biex jinbidel ir-ruling tal-Ispeaker dwar l-inċident ta’ nhar il-Ġimgħa, tikkundanna l-kliem u l-aġir ta’ Debono Grech u titlob biex jiġi sospiż – Marlene Farrugia qalet lill-Ministru Dalli “Int ħattejt dak li l-mara ggwadanjat fl-aħħar 30 sena.”

Marlene Farrugia qalet ukoll li tistenna li l-Ministru għal dan il-kliem għandha tirreżenja. Hi kompliet li l-ħażin jibqa’ ħażin jagħmlu min jagħmlu u għandu jiġi kkundannat.

Fid-dibattitu dwar il-mozzjoni li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar l-inċident ta’ nhar il-Ġimgħa u r-ruling li ta l-Ispeaker li poġġa fl-istes skeffa lid-deputat li hedded mad-deputat li kien mhedded, Marlene Farrugia qalet li dak li ġara fil-Kamra dakinhar, permezz tar-ruling tal-Ispeaker li ngħata wara, jagħti messaġġ lin-nies, partikolarment dawk li sofrew vjolenza, li lanqas fil-Kamra tar-Rappreżentanti, li m’humiex se jsibu protezzjoni.

Fissret li meta Deputat tiġi insultata quddiem kulħadd, u jingħata ruling li jqis lill-vittma bl-istess mod bħall-aggressur, ma tistax tistenna li tingħata protezzjoni.

Marlene Farrugia qal li dan iġib lil dik il-mara li ssofri vjolenza domestika li tmur tirrapporta u minflok tingħata protezzjoni tiġi mistoqsija x’għamlet hi biex waslet li tiġi msawta.