Sport Waterpolo

Marsascala jagħlqu l-kampjonat b’rebħa

Marsascala Nutrition Empire kkonfermaw ruħhom bħala t-tieni forza tal-Ewwel Diviżjoni meta fl-aħħar partita tal-kampjonat għelbu lil Otters Nivea 18-11. Dan ir-riżultat ikkonferma lil Marsascala fit-tieni post hekk kif spiċċaw sitt punti fuq Ta’ Xbiex filwaqt li Otters spiċċaw il-kampjonat mingħajr punt wara li l-ġimgħa l-oħra kienu viċin li jakkwistaw l-ewwel punti kontra Ta’ Xbiex.

Il-partita sal-ewwel żewġ sessjonijiet kienet bilanċjata b’Marsascala jirbħu ż-żewġ sessjonijiet b’vantaġġ ta’ gowl u daħlu jistrieħu 9-7 minn fuq, b’Otters li kienu mingħajr il-kowċ sospiż Paul Dimech, jaqsmu l-logħob mal-avversarji.

Iżda wara l-mistrieħ Marsascala żiedu ftit ir-ritmu biex irnexxielhom jiftħu vantaġġ ta’ erba’ gowls li kien biżżejjed biex jassigura r-rebħa. Bir-riżultat deċiż, l-aħħar sessjoni kompliet tnaqqas mir-ritmu bi spazju għal diversi żgħażagħ inkluż spazju għat-tifel ta’ Joseph Cremona, Kyle, b’Marsascala jirbħu finalment 18-11.