Sport Waterpolo

Marsaxlokk inkurunati Champions tal-Ewwel Diviżjoni

Marsaxlokk Fischer ġew inkurunati Champions tal-Ewwel Diviżjoni wara li fl-aħħar partita tal-kampjonat għelbu lil Ta’ Xbiex Amigos 12-10 biex b’hekk spiċċaw il-kampjonat b’punti massimi.

Mertu ta’ dan is-suċċess imorru lill-diversi nies iżda fosthom lill-President Victor Fenech u l-kowċ Ian Azzopardi li mexxa lix-Xlukkajri għall-ewwel suċċess wara 16-il sena.

Marsaxlokk kienu ilhom l-aħħar rawnd kollu Champions u l-aħħar kienet tfisser biss biex ix-Xlukkajri jżommu r-rekord perfett. Kienu Ta’ Xbiex li marru minn fuq minn Jerome Zerafa Gregory, iżda Marsaxlokk ħadu r-riedni tal-partita u rebħu l-ewwel  sessjoni 4-2. Il-partita żammet l-istess ritmu b’Marsaxlokk jidħlu 5-3 minn fuq fil-ħin tal-mistrieħ.

It-tim ta’ Ian Azzopardi kabbar id-distakk fit-tielet sessjoni b’mod gradwali b’Ta’ Xbiex jiskurjaw bejn il-gowls Xlukkajri. Edward Meli naqqas id-distakk, iżda Kyle Navarro skurja għal Marsaxlokk. Ta’ Xbiex baqgħu jippruvaw u skurjaw żewġ gowls minn Camenzuli u Maklari, sakemm Vuksanovic għalaq il-partita lejn it-tmiem bil-gowl ta’ Zerafa Gregory ikun inutli.

Fi tmiem il-partita, Paul Gauci Kap Eżekuttiv tal-BOV flimkien mal-President tal-ASA Joe Caruana Curran preżentaw it-tazza lill-captain ta’ Marsaxlokk Christian Gialanze.