Sport

Mat-300 partitarju Kroat f’pajjiżna; 80 Pulizija biss assenjati għal Ta’ Qali

Illejla mistennija sigurta’ massima qrib l-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali hekk kif f’pajjiżna hawn mat-300 partitarju Kroat li mistennija jippruvaw jidħlu għall-partita tal-lejla bejn Malta u l-Kroazja.

Għalkemm diġa’ tħabbar li ħadd mill-Kroati mhu se jitħalla jidħol fl-Istadium, informazzjoni li qed taslilna tindika li hemm xi barranin li irnexxielhom jixtru biljetti mingħand Maltin stess. Il-Pulizija qed tinvestiga dawn l-allegazzjonijiet, u kif qed isir dan il-bejgħ minn fuq l-idejn.

Jirriżulta li l-Kroati qed isibu mezzi oħra biex jippruvaw jidħlu jaraw il-logħba valida mill-Euro 2016.

Dan is-sit hu infurmat li bejn membri tal-RIU u Pulizija ta’ Kontra l-Irvellijiet se jkun hemm b’kollox mat-80 membru. Dan jista’ jitqies bħala ammont żgħir ħafna meta wieħed jiftakar f’dak li ġara Ta’ Qali għaxar snin ilu.

F’Settembru 2005, Ta’ Qali kien inbidel f’arena ta’ ġlied (ara r-ritratt) hekk kif numru kbir ta’ Kroati kienu spiċċaw iwaddbu s-siġġijiet lejn is-sezzjoni fejn kien hemm partitarji Maltin. Dakinhar ukoll kienu ġew arrestati numru ta’ persuni.

Sa issa, f’temp ta’ 24 siegħa, ġew arrestati totali ta’ 15-il Kroat.