Internazzjonali

Medjaturi Tuneżini jirbħu n-Nobel għall-Paċi

Il-Premju Nobel għall-Paċi ta’ din is-sena ngħata lill-medjaturi ta’ dak magħruf bħala l-Kwartett tat-Tuneżija għal Djalogu Nazzjonali li kien strumentali fil-bidla tat-Tunezija lejn demokrazija.
Il-Kumitat tan-Nobel qal li dan il-grupp ta’ organizzazzjonijiet impenjati b’risq is-soċjetà ċivili ħamel ‘kontribut deċiżiv’ għal demokrazija fit-Tuneżija wara r-rivoluzzjoni storika tal-2011.
L-istess Kumitat kompla li l-Kwartett għen iwaqqaf proċess politiku fit-Tuneżija meta l-pajjiż Għarbi ‘kien f’xifer ta’ gwerra ċivili’.
Ir-rewwixta fit-Tuneżija kienet l-aktar waħda li rnexxiet fl-era tar-Rebbiegħa Għarbija. Filwaqt li pajjiżi oħra tar-reġjun, fosthom il-Libja, l-Eġittu, il-Jemen u s-Sirja, għerqu fil-vjolenza u l-kaos jew qalbu lura għal amministrazzjoni awtoritarja, kienet biss it-Tuneżija li rnexxielha taqbad il-veru triq lejn demokrazija.
Il-Kwartett li rebaħ in-Nobel hu magħmul minn erba’ organizzazzjonijiet li huma l-Unjoni tax-Xogħol tat-Tuneżija; il-Konfederazzjoni tal-Industrija, il-Kummerċ u l-Artiġjanat; il-Lega tad-Drittijiet Umani Tuneżina u l-Ordni tal-Avukati tat-Tuneżija.
L-istess Kwartett twaqqaf fl-2013, sentejn wara r-rivoluzzjoni storika u meta s-sigurtà fit-Tuneżija kienet mhedda, fost l-assassinar ta’ żewġ politiċi ewlenin u konfronti qattiela bejn il-fergħat Iżlamiċi u sekulari tas-soċjetà.