Lokali

Meħtieġa iktar dinjità għall-pazjenti tas-saħħa mentali – PN

Il-Partit Nazzjonalista huwa mħasseb serjament fuq is-sitwazzjoni tas-servizzi tas-saħħa mentali f’pajjiżna b’mod partikolari dawk offruti mill-Isptar Monte Carmeli.

Il-Partit Nazzjonalista qal dan fi stqarrija partikolarment fid-dawl tal-fatt li r-rapport li ħareġ il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali f’Marzu li għadda baqa’ ma tpoġġiex fuq il-mejda tal-Parlament mill-Gvern fiż-żmien stipulat, u tpoġġa biss nhar l-Erbgħa li għadda wara li ħarġet l-istorja fil-media lokali. Il-Partit Nazzjonalista jgħid li dan il-fatt waħdu huwa serju ferm, speċjalment meta l-istess liġi tistipola li r-rapport għandu jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra u diskuss quddiem il-kumitat parlamentari wara xahrejn li jkun wasal għand il-Ministru konċernat. Issa għaddew sitt xhur u l-Gvern poġġa d-dokument, imma għadu ma sejjaħx diskussjoni. Dan ir-rapport jitfa’ dawl fuq is-sitwazzjoni preżenti u jagħti l-perspettiva tan-nuqqasijiet kbar fis-sistema mill-lenti tal-pazjenti nfushom.

Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-iżviluppi li kien hemm dan l-aħħar fejn ġie allegat abbuż fuq pazjenti tal-Isptar Monte Carmeli jimmeritaw li l-liġi tibda tittieħed b’aktar serjetà. Nies bi problemi ta’ saħħa mentali għandhom drittijiet bażiċi li mhux dejjem qed ikunu rispettati. Dawn in-nies għandhom dritt għal aċċess għas-servizzi adegwati, imfassla għal bżonnijiet individwali u speċifiċi tagħhom. Għandhom id-dritt li jieħdu l-aqwa trattament fl-isptar u fil-komunità biex fl-iqsar żmien possibli jerġgħu jintegraw ruħhom fis-socjetà.

L-istqarrija tfakkar li llum fl-Isptar Monte Carmeli hemm madwar 80 pazjent li għandhom bżonn servizzi fil-komunità iżda, peress li dawn is-servizzi ma jeżistux, dawn il-pazjenti qed jinżammu maqfula fl-Isptar u mhux jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Fost il-pazjenti li qed ibatu l-aktar hemm it-tfal u ż-żgħażagħ. Il-Young People’s Unit hija eżempju ta’ kif il-Gvern qed jidħaq bil-pazjenti u l-qraba tagħhom minħabba li f’dan il-unit sar tibdil kożmetiku li mhux ikun effettiv fuq is-saħħa mentali ta’ żgħażagħ u tfal li qed ifittxu l-kura. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li post dawn il-pazjenti huwa fil-komunità u jfakkar li r-rapport tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali jiġbed ukoll l-attenzjoni fuq dan.

L-istqarrija tfakkar li, wara li l-istess Gvern sentejn ilu ħabbar li se jintroduċi mediċina għat-tfal u żgħażagħ bl-ADHD, din il-ġimgħa ħarġet iċ-ċirkulari li tgħid li fl-aħħar din il-mediċina verament tista’ tibda tintuża.

F’Malta għandna nuqqas serju ta’ kura preventiva fis-saħħa mentali fosthom fejn jidħol is-suwiċidju, dipressjoni u kundizzjonijiet oħra mifruxa sew fis-soċjetà tagħna speċjalment meta jkun hemm rabta ma’ mard jew kundizzjonijiet oħra bħal kanċer u d-dijabete.

“Il-ħidma biex titneħħa l-istigma mis-saħħa mentali u biex il-pazjenti jieħdu l-aqwa riżultat trid tkun ħidma kollettiva u mifruxa fil-Ministeri kollha u tinvolvi dipartimenti varji fosthom l-edukazzjoni, l-impjieg, il-housing, il-politika soċjali, il-ġustizzja u l-ambjent” ikompli jisħaq il-Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jeżiġi li malajr kemm jista’ jkun il-Gvern isejjaħ għal diskussjoni tar-rapport tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali fi stadju ta’ kumitat fil-Parlament, jaġġorna l-politika tas-Saħħa Mentali, jippublika l-Istrateġija għas-Saħħa Mentali u jagħti widen għal dak li qed jgħidulu l-NGOs f’dan il-qasam li ilhom jinsistu fuq titjib serju fis-saħħa mentali u l-implimentazzjoni tal-liġi eżistenti kif suppost. “Inutli tgħid li daħħalt liġi meta m’hemmx is-servizzi kollha biex timplimentha” ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

09.10.15