Internazzjonali

Membri tal-qawwiet tan-NU maqtula fil-Mali

Talanqas ħames suldati tal-qawwiet tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Mali nqatlu fi sparatura ta’ balal minn mortars fuq il-bażi tagħhom f’Kidal, lejn it-Tramuntana tal-pajjiż.

Intant, indarbu 30 oħra meta grupp ta’ militanti saqu vettura pakkjata bi splussivi direttament għal ġol-bażi ta’ Kidal, qabel attakkawha bl-isparar mill-mortars u armamenti awtomatiċi.

Il-grupp Ansar Dine, li qed jiġġieled gwerra qaddisa (jihad) fil-Mali, aktar tard assuma responsabbiltà għall-attakk li kien ikkundannat bla riservi mis-Segretarju-Ġenerali tan-NU Ban Ki-Moon.

In-Nazzjonijiet Uniti qed tipprova tirristawra l-paċi fit-Tramuntana tal-Mali li, fl-2012, kienet okkupata għal żmien minn militanti tal-movimenti tal-jihad u gruppi etniċi tat-tribu tat-Twareg.

Dawn il-militanti, li kellhom konnessjoni mal-grupp al-Qaeda u li, maż-żmien, kisruha mas-separatisti tat-Twareg, kienu tkeċċew mill-ibliet fit-Tramuntana tal-Mali wara l-intervent, fl-2013, ta’ qawwa taħt tmexxija Franċiża.