Ekonomija Ewropa

MEPs tal-PN jivvutaw kontra rapport dwar taxxa komuni fl-UE

It-tliet Ewroparlamentari tal-Partit Nazzjonalista, David Casa, Roberta Metsola u Therese Comodini Cachia, fis-sessjoni Plenarja tal-Parlament Ewropew dalgħodu esprimew ir-riservi qawwija tagħhom dwar rapport tal-Parlament Ewropew dwar it-taxxi.

Id-delegazzjoni kollha tal-PN ivvutat kontra dan ir-rapport, bit-tliet Ewroparlamentari jinsistu li jemmnu bis-sħiħ fit-trasparenza tat-taxxa u fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, imma dan m’għandux ifisser id-dħul ta’ bil-fors ta’ Bażi ta’ Taxxa Komuni Konsolidata u Korporattiva.

It-tliet MEPs eletti f’isem il-PN saħqu li l-UE mhix kollha l-istess u li r-reġjuni fi ħdanha jgħixu realtajiet ekonomiċi differenti, għad-daqs tas-suq intern, ir-realtajiet ġeografiċi u għar-riżorsi li għandhom.

Qalu li waqt li r-rapport kien jinkludi punti validi dwar it-trasparenza, li huma favur tagħha, ma setgħux jivvutaw favur ir-rapport għaliex jemmnu bis-sħiħ li kwistjonijiet ta’ taxxi bħal dik proposta għandhom jibqgħu jiġu deċiżi minn kull pajjiż.

Esprimew ruħhom konvinti li attitudni ta’ one-size-fits-all mhix it-triq it-tajba għall-Ewropa minħabba li ekonomiji żgħar bħal f’Malta jispiċċaw iġorru piż sproporzjonat b’politika bħal din.