Futbol Sport

Messi, Ronaldo u Neymar nominati għall-Ballun tad-Deheb

Lionel Messi, Cristiano Ronaldo u Neymar huma t-tliet plejers li ġew magħżula għal Ballun tad-Deheb 2015.

Dan l-unur ġie dominat minn Ronaldo u Messi fl-aħħar snin, bil-plejer ta’ Real Madrid jerbaħ l-unur tliet darbiet filwaqt li l-Arġentin ta’ Barcelona rebaħ l-unur erba’ darbiet.

Messi hu l-favorit li jerbħu għal ħames darba wara li kellu l-istaġun 2014-2015 brillanti li fih mexxa lil Barcelona għar-rebħ tal-kampjonat, it-tazza tar-Re u ċ-Champions League li fihom l-Arġentin skorja skorja 58 gowl fil-kompetizzjonijiet kollha u disa’ gowls fi tlettax-il logħba dan l-istaġun wara li għamel xahrejn nieqes mill-azzjoni. L-uniku diżappunt ta’ Messi din is-sena kien li l-Arġentina fallew milli jirbħu l-Copa America fic-Chile b’Messi jiskorja gowl biss fil-partita ta’ ftuħ.

Cristiano Ronaldo qabeż lil Messi fil-gowls b’total ta’ 61 gowl iżda ma rnexxilux jerbaħ unur fl-2015. Ronaldo ma kellux bidu ta’ staġun pożittiv biżżejed jekk wieħed iqis in-normalita’ tiegħu minkejja li skorja 16-il gowl f’20 logħba.

Ronaldo qal li Messi hu l-favorit li jerbaħ din is-sena għal raġuni li Barcelona rebħu kollox u f’dan it-trofew kollox jiddependi fuq il-voti.

“Tista’ tgħid li kelli l-aħjar staġun tal-karriera tiegħi li hu tajjeb u kont l-aqwa skorer tal-Ewropa iżda kollox jgħodd fuq il-voti. Hu diffiċli u biex inkun onest mhux inkwetat għaliex kif għidt diversi drabi, qatt ma ħsibt li se nerbaħ l-unur tliet darbiet,” qal Ronaldo.

Neymar mhux qed jitqies li hu favorit minkejja li kellu sena impressjonanti. Il-kaptin tal-Brażil sar pedina importanti fl-iskadra ta’ Barcelona u jifforma parti mit-trio flimkien ma’ Suarez u Messi, kombinazzjoni li għenet lil Barcelona jiskorjaw 122 gowl b’Neymar jiskorja 39 gowl.

Il-Brażiljan mexxa lill-Ispanjoli fl-assenza ta’ Messi. Bħal sieħbu fit-tim, Neymar ma kellux sena brillanti mat-tim Nazzjonali meta fil-Copa America tkeċċa kontra l-Kolombja u spiċċa biex tilef il-kumplament tat-tournament wara li l-Brażil tilfu fil-kwarti finali.

Il-plejer tas-sena tan-nisa ser ikun kontestat minn Carli Lloyd, Aya Miyama u Celia Sasic. Lloyd mexxiet lill-Amerika fit-Tazza tad-Dinja ta’ din is-sena fil-Kanada, Miyama kienet il-kaptin tal-Ġappun, it-tim li wasal fil-finali filwaqt li l-attakant tal-Ġermanja Sasic rebħet iż-Żarbun tad-deheb.