Futbol Sport

Messi se jżid fil-forma

Il-kowċ ta’ Barcelona Luis Enrique jemmen li Lionel Messi se jkompli jżid fil-forma fiżika wara l-prestazzjoni stupenda kontra Roma.

L-Arġentin irritorna wara xahrejn nieqes mill-azzjoni minħabba problema fl-irkoppa u daħal bħala sostitut fir-rebħa ta’ 4-0 kontra Real Madrid fi Stadio Santiago Bernabeu. Huwa rritorna fl-ewwel ħdax kontra Roma fic-Champions League.

Messi kellu prestazzjoni brillanti, skorja doppjetta b’gowl ieħor jiġi mħassar u ħadem ir-raba’ gowl fir-rebħa ta’ 6-1. Luis Enrique wissa lill-avversarji li l-istilla Arġentina għadu fil-bidu li jkun fl-aqwa kundizzjoni.

“Hu xorta irid jirkupra r-ritmu li jilgħab regolari. Għal Messi m’hemmx għalfejn ikun mija fil-mija biex jagħmel id-differenza, u għamilha kontra Roma minkejja li ma lagħabx għall-potenzjal tiegħu,” qal Enrique.

Il-kowċ ta’ Barcelona hu kontinwament impressjonat bl-altruwiżmu ta’ Messi wara li ħalla lil Neymar jagħti l-penalty minkejja li kien viċin li jgħaqqad tripletta personali. “Il-ġenerożità tiegħu tkompli tagħmlu plejer akbar milli hu.

Mhux interessat fuq unuri ndividwali għax iffukat fuq dak li t-tim jista’ jagħmel” kompla l-kowċ ta’ Barcelona.

“Dan hu l-klabb ta’ Barcelona u għaliex aħna kbar. Aħna ser inkomplu nirbħu l-unuri grazzi għal din l-attitudni u dawn il-prestazzjonijiet. Naħseb li hu brillanti li l-plejers għandhom din il-mentalità minkejja li huma l-aqwa plejers fid-dinja,” temm Luis Enrique.