Internazzjonali

Meta ma tkunx għalik…Amerikan salva mit-terrur ta’ New York u mill-massakru fil-Bataclan ta’ Pariġi

Raġel Amerikan ta’ 36 sena hu forsi l-uniku fid-dinja li jista’ jgħid li ‘twieled mill-ġdid darbtejn’ wara li rnexxielu jsalva mill-akbar żewġ attakki terroristiċi fl-istorja moderna.

Dan l-Amerikan kien ‘ġera għal ħajtu miz-zona ta’ Manhattan’ wara li terroristi tal-Al-Qaida, fil-11 ta’ Settembru tal-2001, ħatfu ajruplani tal-passiġġieri u użawhom bħala missili għal kontra l-World Trade Center. Intant, ir-raġel, snin wara, żgiċċa mill-ġdid minn ħalq il-mewt meta t-terroristi tal-ISIS, fit-13 ta’ Novembru, attakkaw l-arena ta’ Bataclan, f’Pariġi, fejn kien qed isir kunċert tal-grupp Eagles of Death Metal.

Dan ir-raġel – li hu identifikat biss bħala Matthew – qala’ xi tiri f’saqajh mit-terroristi li massakraw 89 persuna f’dik l-arena għall-kunċerti. Iżda minkejja l-ġrieħi, hu irnexxielu jitkaxkar ‘il bogħod mill-periklu waqt li f’moħħu berren ħsieb wieħed ‘li dan kellu jkun l-aħħar lejl ta’ ħajtu’.

Matthew kien qed jiddeverti waqt il-kunċert tal-‘Eagles’ iżda induna mal-ewwel li xi ħadd kien qiegħed jispara fl-arena u fil-pront telaq jiġri lejn il-bieb tal-ħruġ. Intant, hu intlaqat minn tiri u waqa’ waqt li quddiemu kienu qed jiżdiedu l-katavri tan-nies li spiċċaw mira faċli għat-terroristi.

L-Amerikan spiċċa jitkaxkar mal-art, bil-mod, anki waqt li l-aggressuri kienu qed jikkargaw l-azzarini Kalashnikovs. Fl-aħħarnett, hu rnexxielu joħroġ mis-sala għal ġot-triq – fejn kien salvat minn Daniel Psenny, ġurnalist mal-Le Monde, li kien qed jiġbed filmati tal-attakk min-naħa l-oħra tat-triq.

Psenny kien diġà ġibed film ta’ mara tqila qed tipprova taħrab mill-kaos u, għall-bidu, ma kienx jaf sewwa sew x’kien qed iseħħ fl-arena tal-Bataclan. Fil-fatt, Psenny ħaseb li l-isparar kien waqaf u meta fetaħ il-bieb tar-residenza tiegħu ra lil Matthew mimdud fuq il-bankina. Kien hemmhekk li Psenny, bl-għajnuna ta’ raġel ieħor ‘li kien liebes l-iswed’, qabad lil Matthew u ħadu lejn l-appartament tiegħu.

Matthew irrakkonta li hu, dak il-ħin, ‘kien qed jilgħabha tal-mejjet’, b’Daniel Psenny, ftit wara, jispiċċa midrub minn tir f’dirgħajh. Sadanittant, il-ġurnalista jirrakkonta li hu u Matthew ma ntilfu qatt minn sensihom fost il-kaos u konfużjoni.

Aktar tard, Daniel Psenny u Matthew kellhom jerġgħu jiltaqgħu, l-isptar, sigħat wara t-terrur u fejn kienu rikoverati xi tliet swali biss ‘il bogħod minn xulxin. Huma, intant, ħalfu ‘li jaqsmu flixkun inbid tajjeb flimkien’ ladarba joħorġu mill-isptar.

Fil-11 ta’ Settembru tal-2001, Matthew kien fl-inħawi tas-South Tower tal-World Trade Center fejn kien fi triqtu għal laqgħa. Kien dak il-ħin li l-ewwel ajruplan iggwidat mit-terroristi laqat in-North Tower tal-kumpless waqt li hu telaq jiġri f’paniku, bil-madwar jinbidel f’xena apokalitika….Madankollu, l-Amerikan ftit għandu dubju li ‘dak li għadda minnu fil-Bataclan kien elf darba agħar mit-terroriżmu tal-2001 fi New York’.