Ewropa

Metsola ssejjaħ għal azzjoni dinjija konkreta dwar il-kriżi tar-refuġjati

F’intervista fir-rivista influwenti The Parliament Magazine, li ddedikatilha l-qoxra ta’ barra, l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola appellat lill-istati membri tal-UE biex jieħdu azzjoni konkreta dwar il-kriżi tar-refuġjati, biex din tingħata rispons globali u biex l-Ewropa tkun “l-eżempju għad-dinja”.

Saħqet li l-pajjiżi kollha fir-reġjun, in-Nazzjonijiet Uniti u l-imsieħba kollha internazzjonali għandhom jagħtu s-sehem tagħhom jekk iridu li tinstab soluzzjoni għall-kriżi.

B’referenza għad-diskors tagħha fil-Parlament Ewropew ix-xahar li għadda, Roberta Metsola saħqet li l-istati membri donnhom jaqblu bla diffikultà dwar kemm basktijiet tal-plastik wieħed għandu jarmi jew kemm-il ħuta tista’ tittella’ mill-baħar, imma meta l-iġsma ta’ tfal qed jitkaxkru mill-kurrenti u jittellgħu fuq ix-xtajtiet u l-mexxejja ma jistgħux jaqblu dwar kif jittrattaw lir-refuġjati b’mod uman, għaliha jfisser li kull ħaġa oħra li ssir hi kważi inutli.

Metsola saħqet li jeħtieġ li l-immigrazzjoni tiġi indirizzata minn aspetti differenti, fosthom li jkun hemm bilanċ bejn l-għoti ta’ protezzjoni lil min jeħtieġha, il-ħarsien tal-fruntieri u li dawk li ma jikkwalifikawx għal protezzjoni jintbagħatu lura b’mod sigur.

Insistiet li l-UE għandha tara kif tista’ tgħin lill-pajjiżi ta’ oriġini biex dawn jerġgħu jqumu fuq saqajhom, u fl-istess ħin tiġġieled lin-netwerks ta’ traffikar, tara l-fondi Ewropej fejn qed imorru, u ssib sistemi li jgħinu lin-nies qabel dawn ikunu mġiegħla jitilgħu fuq dgħajjes li jistgħu jegħrqu.