Lokali

Mfakkar t-30 anniversarju tal-każin tal-Partit Nazzjonalista fil-Qrendi

Il-jum tal-Ġimgħa kien wieħed ta’ nostalġija u ferħ għall-Qrendin hekk kif il-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’dan ir-raħal, Dar il-Paċi, għalaq 30 sena.

F’serata speċjali li saret għall-Qrendin, u li għaliha kien preżenti l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, kif ukoll kandidati tad-distrett, spikkaw ir-rakkonti mqanqla ta’ dawk li għexu ż-żminijiet tal-bidu ta’ dan il-każin.

Fost dawn l-eks membru parlamentari, it-tabib Anthony Bonnici li tkellem dwar it-twaqqif tal-kumitat tal-Partit Nazzjonalista fl-1962, fi żmien fejn il-Qrendi la kien għad kellu ilma jew sistemà tad-dranaġġ.

Fi tmiem ir-rakkont imqanqal tat-tabib Bonnici, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li nies bħalu jagħmluh kburi u privileġġat li għandu x-xorti jmexxi lill-Partit Nazzjonalista.

“Il-Partit Nazzjonalista qed iqum fuq saqajh. Sirt kap meta l-Partit kien qed jegħreq, imma llum il-ġurnata lanqas min kien ċert li l-Partit Laburista se jqatta’ għaxar snin jiggverna m’għadu jgħid dan,” qal Simon Busuttil.

Kompla li llum il-Partit Nazzjonalista qed jinkwieta lill-Gvern. “Lill-Gvern qed ninkwitah għaliex jien nadif. Jekk ngħidu u nimxu mal-verità, naslu. Irridu noħorġu lil dan il-pajjiż mill-isqaq li daħħluh fih,” temm jgħid il-kap tal-Partit Nazzjonalista.