Ekonomija Lokali

“Mhux aċċettabli li nitħallew barra mill-konsultazzjoni” – Il-Kamra tal-Kummerċ

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Anton Borg, fl-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat flimkien ma’ diversi membri tal-kabinett, ġewwa l-Borża l-antika fil-Belt Valletta stqarr kliem iebes rigward is-sitwazzjoni ekonomika ta’ Malta. Il-Kamra tal-Kummerċ esprimiet t-tħassib dwar l-ekonomija Maltija u dan minkejja li l-ekonomija kompliet għaddejja b’ritmu tajjeb – iżda m’għandix tittieħed bħala xi dritt garantit.

“Prim Ministru – mhux aċċettabbli għalina li aħna nitħallew kompletament barra mill-proċess ta’ konsultazzjoni dwar deċiżjonijiet marbuta ma’ policies li huma kruċjali għan-negozji u l-ekonomija – partikolarment deċiżjonijiet marbuta mal-futur tal-Air Malta, u l-implimentazzjoni tal-liġi li jirregolaw il-Billboards u r-reklamar fost oħrajn” – stqarr il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Anton Borg.

Anton Borg kompla billi rrakomanda lill-Gvern sabiex isir titjib fil-proċedura tal-għoti ta’ karigi għoljin – fejn il-Kamra tal-Kummerċ tħoss li n-nies għandhom jiġu appuntati abbażi tal-meritokrazija u mhux skont l-fehma politika tagħhom. Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ żied jgħid li hemm bżonn li hekk kif persuni jinħatru f’kariga pubblika, huma għandhom dejjem ikunu politikament korretti il-ħin kollu – kemm fil-ħin liberu tagħhom u anke fuq il-media soċjali. Skont il-Kamra, din l-aġenda għandha tkun parti mil-liġi dwar l-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Il-Kamra tal-Kummerċ qajmet punt ieħor jaħraq waqt il-laqgħa mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fejn ġie mistqarr li minkejja li l-prezzijiet taż-żejt raħsu madwar id-dinja kollha, in-negozji Maltin għadhom ma bbenefikawx minn dan it-tnaqqis fil-prezz – hekk kif t-tariffi preżenti jibqgħu għola mill-medja ta’ dik tal-bqija tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea. Il-Kamra appellat biex il-Gvern jifhem din it-talba, minħabba li l-investituri barranin jikkunsidraw it-tariffi tal-enerġija qabel ma’ jagħżlu li jinvestu flushom fil-pajjiż.

Il-President tal-Kamra tkellem ukoll kif minkejja iż-żmien problematiku fil-klima internazzjoni ekonomika, l-ekonomija Maltija qegħda tesperjenza tkabbir ekonomiku u f’ċertu setturi partikolari Malta qed tkompli tissaħħaħ fosthom fit-turiżmu, fil-propjeta’, manufattura, u kif ukoll xjenza u teknoloġija. Anton Borg semma kif bħalissa id-dinja qed tara elezzjoni fl-Istati Uniti unika, inċertezza fit-Turkija, aktar problemi fil-Libja u kif l-Unjoni Ewropea qed tesperjenza it-tluq tar-Renju Unit minħabba l-Brexit u attakki terroristiċi. Dawn il-fatturi kollha jistgħu iwasslu biex ikollna l-ekonomija tagħna miftuħa u vulnerabbli għal sitwazzjonijiet inaspettati u xukkanti. Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li fuq l-istess mejda fejn kienu bilqeda l-Prim Ministru u l-membri tal-kabinett flimkien mal-Kamra tal-Kummerċ, saru diskussjonijiet fejn diversi drabi l-Kamra qablet mal-istrateġiji li l-Gvern Malti jkun ħa f’oqsma partikolari bl-interess ikun li tibqa’ b’saħħitha l-ekonomija Maltija.