Lokali Qorti

Mhux milqugħ Rikors Kostituzzjonali ta’ Tuneżin li qatel erba’ persuni fl-1988, jibqa’ jiskonta sentenza ta’ għomor priġunerija

Tuneżin li ilu arrestat għal 28 sena, wara li ngħata sentenza ta’ għomor priġunerija, se jibqa’ arrestat wara li tilef ir-Rikors Kostituzzjonali li ppreżenta fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili. Fir-Rikors, hu kien allega li nkisrulu l-jeddijiet fundamentali tiegħu skont il-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Ben Ali Wahid Ben Hassine ressaq ir-Rikors Kostituzzjonali f’Ottubru 2014, fejn talab lill-Qorti tiddikjara li f’pajjiżna ma teżistix il-possibbiltà ta’ reviżjoni għas-sentenzi ta’ għomor il-ħabs. U dan il-fatt, skont ir-Rikors, imur kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti ddeċidiet li mhux minnu li l-mod kif il-Qorti tapplika din is-sentenza jmur kontra l-Kostituzzjoni jew il-Konvenzjoni Ewropea. Dan għaliex, wieħed dejjem għandu ċ-ċans jagħmel talba għal Maħfra Presidenzjali. Il-Qorti nnutat li t-Tuneżin qatt ma għamel din it-talba u għalhekk kienet għażla tiegħu li ma jfittixx rimedju.

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili qalet li bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq deċiżjonijiet diġà meħuda mill-Qorti Ewropea u anke mill-Qrati Maltin, fejn ma jirriżultax li l-piena li qed jiskonta hi b’xi mod inumana jew degradanti. Kien għalhekk li ċaħdet ir-Rikors u ddikjarat li ma seħħ l-ebda ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu.

Ben Ali Wahid Ben Hassine qed jiskonta s-sentenza ta’ għomor priġunerija wara li kien instab ħati bil-qtil ta’ erba’ persuni fi żmien ftit jiem fi Frar 1988. Il-vittmi kienu żewġ xufiera Maltin tat-taxis, Ingliż u Franċiż. Id-delitti kienu saru bl-użu ta’ sikkina u pistola.

L-istħarriġ tal-Pulizija kien wassal biex Hassin kien arrestat flimkien ma’ Tuneżin ieħor, Mohsen Mosbah Bin Brahim, li fl-1992 it-tnejn li huma kienu ngħataw is-sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li kienu ammettew minflok għaddew ġuri. Huma kienu diġà ilhom jinżammu l-Ħabs minn meta kienu tressqu l-Qorti.

F’Ottubru 2014, Hassine qal li ladarba skonta aktar minn 25 sena ta’ priġunerija, hu ħallas biżżejjed għal għemilu u s-sentenza kellha tiġi riveduta. Kien għalhekk li tressaq dan ir-Rikors Kostituzzjonali, fejn ingħad ukoll li għandu jiġi eżaminat minn bord indipendenti biex ikun iċċertifikat li llum m’għadux ta’ periklu għas-soċjetà.

Tunezini Sejba Katavri Maltin
(Ritratti: Librerija Informa)