Internazzjonali

Mhux se titressaq il-qorti l-omm li abbandunat tarbija f’presepju

Prosekuturi fi New York qalu li omm li kienet abbandunat lil binha fi knisja ftit wara li wellditu m’għandhiex tiffaċċja akkużi kriminali.

It-tifel kien instab abbandunat, jiem ilu, ġo nofs xena tan-Natività tal-Milied fil-Knisja ddedikata lill-Bambin Ġesu, fil-borough ta’ Queens.

Kien proprju l-kustodju tal-Knisja li sab lit-tarbija tibki, waqt li mgeżwra fix-xugamani ġo maxtura li kienet tqiegħdet hemm ftit qabel. It-tifel, imbagħad, ittieħed lejn l-isptar għall-analiżi fejn kien iddikjarat ‘tajjeb u b’saħħtu’.

Il-pulizija rnexxielhom isibu omm it-tifel iżda mhumiex se jressqulha akkużi kriminali għaliex hi ħalliet lil binha f’post fejn seta’ jinstab malajr. Hi kienet anki fiduċjuża ‘li ma kellu jiġrilu xejn fiċ-ċirkostanzi’.

Skont il-liġi fl-Istat ta’ New York, ġenitur jista’ jabbanduna tarbija li tkun għadha kemm twieldet sal-ewwel 30 jum tal-ħajja, filwaqt li jibqa’ ‘anonimu’. Dan bil-patt li t-tarbija titħalla ‘f’lokalità ta’ sigurtà’ u f’idejn ‘il-persuni xierqa’.