Kultura

Mill-ġdid ‘We Will Rock You’ fil-Birgu

Ir-Rock Opera Group tal-Belt Vittoriosa għal darb’oħra se jtellgħu x-xogħol muzikali li tant għamel suċċess ‘We Will Rock You’ fis-6, 7 u 8 ta’ Mejju li ġej. Dan il-musical, li hu ispirat mill-kanzunetti eterni tal-grupp leġġendarju Queen u b’kitba ta’ Ben Elton, se jittella’ fil-Main Auditorium tal-Belt Vittoriosa.

‘We Will Rock You’ hi produzzjoni konġunta tal-KFSL u s-SŻP li f’dawn l-aħħar 30 sena organizzaw għadd ta’ xogħlijiet teatralu u mużikali fil-Birgu. Il-grupp hu magħmul minn aktar minn 80 żagħżugħ u żagħżugħa ta’ talenti varji, li f’dawn l-aħħar sitt xhur ħadmu flimkien bla waqfien biex jistgħu jtellgħu spettaklu mimli ħajja u entużjażmu.

Barra li ħafna minnhom jieħdu sehem fih, il-membri tal-grupp ħadu ħsieb ukoll kull aspett tal-produzzjoni, mill-bini tas-sett u l-koreografija, sad-disinn u l-ħjata tal-kostumi u dawk id-dettalji l-oħra kollha li produzzjoni ta’ dan it-tip titlob. Dan kollu taħt id-direzzjoni ta’ Matthew Raggio.

Il-musical jinkludi aktar minn 24 kanzunetta, fost uħud li l-aktar li għamlu suċċess għall-grupp Queen, fosthom ‘We are the Champions’, ‘Radio Ga Ga’, ‘Killer Queen’, ‘Bohemian Rhapsody’, ‘Another One Bites the Dust’ u s’intendi ‘We Will Rock You’.

‘We Will Rock You’ hu ambjentat fil-futur, fis-sena 2316. Hi dinja li fiha kollox hu kkontrollat minn kumpanija waħda – Globalsoft Corporation, li tikkontrolla dak li n-nies jisimgħu, dak li jilbsu u dak li jaraw fuq it-TV.

Minkejja dan kollu, hemm tama fix-xefaq?

Wieħed jista’ jakkwista biljetti għal ‘We Will Rock You’, li qed ikun ippreżentat bi playback, billi jċempel fuq 99207283 jew 79539064.