Lokali

Min iħaddem u l-unions b’għan komuni fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni razzjali

Min iħaddem u l-unions fuq l-istess mejda u b’għan komuni … biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni razzjali. Din l-attitudni fil-post tax-xogħol m’għandiex tiġi tollerata aktar.

Dan kien il-messaġġ konġunt li twassal f’okkażjoni meqjusa rari, li fiha l-unions u l-għaqdiet ta’ min ihaddem iddikjaraw li mhux se jipproteġu negozji li jwettqu diskriminazzjoni mal-ħaddiema tagħhom, kemm diskriminazzjoni fuq bażi ta’ razza, kif ukoll ta’ reliġjon.

Dan il-messaġġ twassal f’konferenza tal-aħbarijiet, indirizzata mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Anton Borg, f’isem il-UĦM Voice of the Workers, il-GWU, il-GRTU, il-Malta Developers Association, is-CMTU u l-Forum Unions Maltin, li wkoll kienu preżenti.

Il-ħaddiema huma ħaddiema, u ma tagħmel l-ebda differenza x’nazzjonalità huma, sostna l-President taċ-Chamber. Din l-inizjattiva saret biex jitfakkar Jum il-Ħaddiem u sabet l-appoġġ tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni.

Sadanittant, għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar il-futur tal-Air Malta, Kevin Bonello f’isem il-Forum Unions Maltin qal li s’issa m’hemm l-ebda żviluppi għax il-unions għadhom iridu jaraw x’se jiġri fit-trattativi.

F’isem il-GWU, Josef Bugeja sostna li għalissa kollox għadu ipotetiku. Madankollu, mhux se jaċċettaw li jitkeċċew ħaddiema tal-Air Malta.