Lokali

Min jikser il-Kostituzzjoni basta jagħmel il-ħatriet li jrid, mhux denju li jmexxi l-pajjiż – Simon Busuttil

Min jikser il-Kostituzzjoni basta jagħmel il-ħatriet li jrid, mhux denju li jmexxi l-pajjiż. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt Konferenza tal-Aħbarijiet l-għada li l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tat raġun lill-Oppożizzjoni – jiġifieri li l-Gvern kiser il-Kostituzzjoni meta ħatar Maġistrat li ma kinitx eleġibbli.

Kien nhar l-Erbgħa li għadda meta l-Oppożizzjoni tkellmet fil-Parlament dwar il-mod kif il-ħatra ta’ Ingrid Zammit Young u ta’ Caroline Farrugia Frendo jmorru kontra l-Kostituzzjoni minħabba li m’humiex eleġibbli għal dan r-rwol. Zammit Young mhux eleġibbli peress li din okkuppat rwol f’awtorita’ pubblika, filwaqt li Farrugia Frendo għadha m’għalqitx 7 snin fil-prattika t’avukat, u allura mhijiex eleġibbli.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li l-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura għandu jinbidel b’effett immedjat u m’għandha ssir l-ebda ħatra oħra fil-ġudikatura jekk mhux skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Bonello; rakkomandazzjonijiet li talab il-Gvern ta’ Muscat stess u li ilhom għandu aktar minn sena u nofs.

Simon Busuttil qal li l-Oppożizzjoni qed tintrabat li ladarba l-Partit Nazzjonalista jkun fil-Gvern, il-ħatriet fil-Ġudikatura jsiru bi proċess trasparenti u kompetittiv skont ir-rakkomodazzjonijiet Bonello.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja kienet kundanna oħra lill-Gvern ta’ Muscat – it-tieni waħda minn istituzzjoni kostituzzjonali fi żmien ħmistax- wara l-kundanna tal-Awditur Ġenerali fl-iskandlu Gaffarena.