Lokali Saħħa

‘Min ma jirrikonoxxix il-problema, mhux kapaċi jsolviha’

Fl-ewwel jiem tiegħu bħala Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, flok ra x’inhuma l-problemi li hemm fl-Isptar Mater Dei u beda jara kif se jsolvihom, infexx f’attakki fuq l-Oppożizzjoni, sempliċiment għaliex l-Oppożizzjoni qed titkellem dwar il-problemi li hemm fl-Isptar Mater Dei – kif għamel dalgħodu bi stqarrija mimlija attakki dwar artiklu fuq il-ġurnal The Malta Independent. Hekk stqarret fi stqarrija ix-Shadow Minister tas-Saħħa Claudette Buttigieg.

Hija spjegat li l-Oppożizzjoni ilha numru ta’ ġimgħat tispjega li dak li qed jgħid il-Gvern dwar l-Isptar Mater Dei mhuwiex minnu, u li qed jagħżel li jaħbi ċifri biex jagħti l-impressjoni li kollox miexi fuq ir-rubini. Il-pazjenti u l-qraba tagħhom jafu li dan mhuwiex minnu sostniet Buttigieg.

Claudette Buttigeg spjegat li dan mhux qed tgħidu biss l-Oppożizzjoni, imma anke l-Assoċjazzjoni Medika Maltija, li fi stqarrija waħda wara l-oħra, spjegat li ċ-ċifri li ta l-Gvern dwar l-Isptar Mater Dei mhumiex ċari u jitfgħu dubji dwar il-ġenwinità u l-intenzjoni warajhom.

“Min mhux qed jirrikonoxxi l-problemi, mhuwiex kapaċi biex isolvihom” temmet tgħid Claudette Buttigieg.