Internazzjonali

Ministri tal-UE jiddiskutu deportazzjoni ‘mgħaġġla’ għall-immigranti

Il-Ministri għall-Intern tal-UE ltaqgħu fil-Lussemburgu fejn iddiskutew pjani biex jitħaffef il-proċess tad-deportazzjoni għall-immigranti li ma jissodisfawx il-kriterji għall-kenn politiku.

Għal dan l-iskop, l-UE qablet biex issaħħaħ il-missjoni tal-Frontex li tħares il-fruntieri. Il-Ministri sejħu wkoll għal aktar ftehim effettivi mal-pajjiżi barra l-UE minfejn ġejjin l-immigranti biex aktar minn dawn in-nies ikunu jistgħu jirritornaw pajjiżhom. It-taħditiet anki kkonkludew bi stqarrija li l-Istati tal-UE għandhom jarrestaw lill-immigranti li jaħarbu qabel ikunu jistgħu jkunu ddeportati.

L-UE qed tipprova tlaħħaq mal-mijiet ta’ eluf ta’ immigranti li waslu fil-istati Ewropej bl-iskop li jingħataw kenn politiku. Sadanittant, il-Ministri għall-Affarijiet Barranin Ewropej flimkien ma’ delegazzjonijiet mit-Turkija, il-Ġordan, il-Libanu u l-Istati tal-Balkani wkoll issieħbu fit-taħditiet fil-Lussemburgu biex jiddiskutu mezzi li jikkontrollaw il-movimenti bla rażan tal-immigranti.

’Il fuq minn 600,000 persuna, s’issa, waslu fl-UE din is-sena. Ħafna minn dawn in-nies qed jaħarbu mill-gwerer u l-persekuzzjoni, u l-parti l-kbira tar-refuġjati jikkwalifikaw għall-kenn politiku taħt il-liġi internazzjonali.

Iżda s-sena l-oħra, ’il fuq minn nofs il-miljun immigrant li kienu ġejjin minn barra l-UE nstab li kellhom ‘preżenza illegali’ fil-pajjiżi tal-Unjoni. Ħafna minnhom kienu infurmati li kellhom jitilqu, iżda l-istati tal-UE ddeportaw biss mal-40 fil-mija tal-immigranti indikati għal trasferiment lejn reġjuni oħra.