Futbol Lokali

“Minn imħallfin sa’ qassisin, pulizija u avukati jiġu jpartu l-istikers” – Anastasi

Kull sentejn, Triq il-Merkanti tilqa’ mijiet ta’ entużjasti tal-futbol li b’mod spontanju jiltagqħu biex ipartu l-istikers tal-futbol.

Bejn it-turnew tat-Tazza tad-Dinja jew tal-Euro, kull sentejn iqum l-entużjasmu minn eluf ta’ Malti li jgħaqqdu l-album. U l-Maltin ilhom jiltaqgħu b’mod spontanju fi Triq il-Merkanti biex ipartu l-istikers għal aktar minn 35 sena.

Dominic Anastasi, sid ħanut ċkejken li fost oħrajn ibiegħ l-albums u l-istikers tal-futbol, spjega ma’ NETnews.com.mt li din id-drawwa ilha sseħħ sa’ mill-1981.

“In-nies ilhom jiltaqgħu mill-1981. Kienu jiġu jixtru l-istikers u jpartu malli jiftħu l-pakketti. Maż-żmien, in-nies baqgħu jiżdiedu u issa saret drawwa spontanja ta’ kull sentejn” spjega Dominic Anastasi.

“Kollox jiġi hawn: patrijiet, qassisin, pulizija u politikanti” qalilna Dominic, magħurf aktar b’kunjomu, Anastasi, meta konna fil-ħanut tiegħu. “Ma nistax insemmi ismijiet għax mhux xieraq, imma jekk toħroġ hawn barra jaf issib erba’ minnhom. Anke Imħallfin u Maġistrati jiġu jpartu!” temm jgħidilna Anastasi.