Għawdex Lokali

Mistoqsijiet dwar jekk il-Ministru Anton Refalo għandux rabta ma’ kumpanija tal-bini

F’Għawdex hemm min qiegħed jistaqsi dwar jekk il-Ministru Anton Refalo, għandux xi konnessjonijiet ma’ kumpanija ewlenija tal-bini f’Għawdex. Din il-kumpanija partikolari hi magħmula minn avukati u periti, u f’Għawdex jiġi allegat li qrib ta’ din il-kumpanija hemm il-Ministru Refalo hu midħla sew ta’ din il-kumpanija partikulari.

Fl-1996 Anton Refalo kien Segretarju Parlamentari. Fl-istess żmien din il-kumpanija kienet ingħatat mill-awtoritajiet permess ġdid kif ukoll wisgħa għal barriera ġdida tal-qawwi fil-limiti tal-Qala. Kien żmien ukoll li din il-kumpanija bdiet tikber ġmielha tant li bdiet tirbaħ ħafna kuntratti tal-Gvern f’Għawdex u fejn kull kuntratt beda jiġi jiswa’ dejjem aktar mill-istima oriġinali.

Fl-Oppożizzjoni, Anton Refalo pprova jħammeġ kemm-il darba lill-Ministru ta’ dak iż-żmien. Kien jakkuża lill-amministrazzjoni preċedenti li l-kuntratti qed jiġu jiswew iktar milli stmat. Madanakollu diġà għaddew tliet snin minn mindu l-Partit Laburista tela’ fil-Gvern u ma ttieħdet ebda azzjoni fil-konfront ta’ xi persuni li ċċertifikaw ix-xogħlijiet u l-pagamenti żejda li kien jingħad isiru u wisq inqas sar awditjar fuq xi proġett partikulari li tant kien isemmi. Anzi għall-kuntrarju, ħaddiema fi ħdan l-amministrazzjoni ta’ qabel responsabbli miċ-ċertifikati għax-xogħlijiet, ingħataw promozzjonijiet u nżammu fl-istess Dipartiment.

Is-sorsi Għawdxin li tkellmu ma’ il-mument fissru li fl-aħħar tliet snin huma raw li iktar minn 90 fil-mija tal-kuntratti pubbliċi f’dawk li huma bini ta’ proġetti infrastrutturali jintrebħu mill-istess kumpanija li fl-1996 kien inħarġilha l-permess għal barriera. Fost dawn il-kuntratti hemm ix-xogħlijiet fiċ-Ċittadella. Kuntratt li għadu jservi ta’ minjiera ta’ ewro mhux dovuti mingħajr l-ebda offerta pubblika rregalati lil din il kumpanija. Kuntratt li se jiswa lill-poplu xejn inqas minn erba’ darbiet iktar milli stmat.

“Dan hu kuntratt li wara li sirna nafu li ntefa’ lura fl-implimentazzjoni tiegħu u tlifna ‘l fuq minn €1 miljun f’fondi Ewropej, issa fl-aħħar xhur ‘krejna’ lil Silvio Scerri – eks Chief of Staff tal-eks Ministru Manuel Mallia – biex jagħmilha ta’ project manager,” komplew is-sorsi ta’ il-mument. Huma żiedu li dan seħħħ biex iserraħ moħħ persuni qrib tal-Prim Ministru li mhux għaddej xogħol li jista’ jpoggi lill-Gvern f’xi pożizzjoni skomda kif fil-fatt sar. Kuntratt li minħabba fih u l-flus żejda li ntefqu fih waqgħu lura proġetti oħra f’Għawdex.