Internazzjonali

Mixlija l-qorti talli kitbu dwar rabta bejn is-servizzi sigrieti u l-ISIS

Żewġ ġurnalisti Torok tressqu l-qorti akkużati bi spjunaġġ wara li kitbu stejjer li s-servizzi sigrieti Torok kienu qed jagħtu l-armi lill-ISIS.
Can Dundar, l-editur, u Erdem Gul, tal-ġurnal ‘Cumhuriyet’, kienu akkużati li minbarra li spjunaw kienu wkoll kixfu sigrieti tal-istat u se jinżammu arrestati sakemm isir il-proċess.
Skont rapport li deher f’Mejju fil-ġurnal ‘Cumhuriyet’, li hu tal-Oppożizzjoni kontra l-President Tayyip Erdogan, f’Jannar tal-2014, pulizija Torok kienu interċettaw trakkijiet mimlija armi u munizzjon diretti lejn il-fruntiera Sirjana. Skont ir-rapport, kien stabbilit li dawn kienu diretti lejn ġellieda fis-Sirja fosthom l-ISIS, mill-MIT, is-servizzi sigrieti Torok.
Meta deher ir-rapport, dan qanqal furur sħiħ fit-Turkija tant li l-President Tayyip Erdogan kien ħalef li Dundar kien se jpattiha. Il-Gvern Tork kien sostna li fit-trakkijiet kien hemm għajnuna umanitarjia għall-minoranza etnika Torka fis-Sirja u Erdogan kien fetaħ kawża personalment kontrihom.
Bl-akkużi li tressqu kontra l-ġurnalisti, dawn qed jissugraw piena ta’ għomorhom il-ħabs.