Internazzjonali

Moska tqis il-pass tagħha fil-konfront ta’ Ankara

Sergei Lavrov, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu, qal li kollox jindika li dak li ġara lill-ajruplan tat-tip Su-24 kien nasba ppreparata minn qabel imma insista li r-Russja ma kinitx se titħalla titkaxkar fi gwerra mat-Turkija. Il-President Tork Tayyip Erdogan qal ukoll li ma riedx ikabbar it-tensjoni mar-Russja.

Minkejja dan, mexxejja Russi qalu li t-Turkija kienet se tpatti għal dak li għamlet għalkemm għalissa ma tteħdux passi kbar ta’ ritaljazzjoni, kemm ekonomika, kif ukoll politika.

Filwaqt li r-Russja saħħet id-difiżi mal-militar tagħha fis-Sirja, Moska qed toqgħod attenta għall-kliem li qed tuża biex ma tiżdiedx it-tensjoni.

Dan wara li l-militar Tork, it-Tlieta, waqqa’ ajruplan militari Russu li jinsab stazzjonat fis-Sirja għaliex intqal li kien daħal fl-ispazju tal-ajru Tork. It-Torok qalu li l-ajruplan kien daħal għal 17-il sekonda fl-ispazju tal-ajru tagħhom imma sorsi Amerikani issa bdew jagħtu raġun lir-Russi u jsostnu li kollox qed jindika li l-ajruplan kien f’territorju Sirjan u mhux Tork.

Sadattant, wieħed mill-bdoti tal-ajruplan kien salvat iżda l-ieħor inqatel hekk kif kien nieżel bil-paraxut. Inqatel ukoll suldat Russu waqt il-missjoni ta’ salvataġġ tal-bdot u ħelikopter li ntbagħat inqered ukoll.
B’reazzjoni għal dak li ġara, il-President Russu Valdimir Putin ordna li jintbagħtu missili tat-tip S-400, l-aktar missili sofistikati għal kontra l-attakki mill-ajru, lejn il-bażi tal-ajru ta’ Khmeimim, fil-provinċja ta’ Latakia. L-ajruplan Russu twaqqa’ minn F-16 Tork.

Din kienet l-ewwel darba f’dawn l-aħħar 50 sena li pajjiż membru tan-NATO waqqa’ ajruplan Russu.

Dmitry Peskov, kelliem tal-Kremlin, qal li l-ajruplani Russi qed ikollhom itiru qrib il-fruntiera Torka għaliex kien hawn fejn kienu miġbura ħafna mill-militanti u insista li r-Russja kienet se tkompli twettaq il-missjonijiet mill-ajru fiz-zona.