Għawdex Lokali Qorti

Multa, konfiska u sospensjoni tal-liċenzji għal Kaċċatur b’100 skartoċċ wara l-ħin tal-għeluq tal-Kaċċa

Anthony Camilleri, Għawdxi ta’ 52 sena kien immultat €2,000, kellu l-arma u l-munizzjon ikkonfiskati għal sentejn, kif ukoll kellu sospensjoni ta’ sentejn fil-liċenzji relatati mal-kaċċa wara li nstab li kellu fil-pussess tiegħu 100 skartoċċ meta ma kienx permess il-Kaċċa.

Camilleri, li tressaq quddiem il-Qorti ta’ Għawdex mill-Ispettur Edel Mary Camilleri, twaqqaf mill-Pulizija tal-ALE fl-20 ta’ April li għadda fl-inħawi tal-Fanal tal-Ġordan. Tfittxija li saret fil-vettura tiegħu wasslet biex instabu l-iskrataċ. Il-każ seħħ kważi sagħtejn wara l-għeluq tal-ħin tal-Kaċċa.

Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, fil-Qorti s-Surġent Mario Sciberras xehed li waqt it-tfittxija, il-Pulizija sabet biss l-iskrataċ iżda ma nstabet l-ebda arma tan-nar. Madankollu, il-Qorti nnutat li dan hu xorta ksur tal-Liġi, għalkemm minħabba li ma nstabet l-ebda arma, ma jfissirx bil-fors li l-akkużat kien qed idur għall-Kaċċa.

Min-naħa tagħha, id-Difiża mmexxija mill-Avukat Anthony Stellini fakkret kif meta seħħ il-każ, l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa kien miftuħ. Madankollu, il-Qorti nnutat li fil-jiem tal-istaġun, il-Kaċċa setgħet issir sa 12pm, iżda Camilleri kien instab ftit qabel is-2pm.

Kien għalhekk li l-Qorti sabet lill-akkużat ħati, ordnat il-multa u anke l-konfiska tal-iskrataċ u s-sospensjoni tal-liċenzji relatati.