Lokali Qorti

Multa ta’ €4,000 u sentenza sospiża għal Ingliż li pprova jikkorrompi Pulizija

Ingliż ta’ 28 sena kien ikkundannat sentejn ħabs li ġew sospiżi għal erba’ snin u mmultat €4,000 wara li ammetta li pprova jikkorrompi Pulizija billi jagħtih xi flus. Il-każ seħħ nhar it-Tnejn li għadda għal ħabta tas-1.15 a.m. f’San Ġiljan.

Flimkien miegħu tressaq Malti, li bħall-Ingliż ukoll kien mixli li hedded u rreżista bi vjolenza lill-uffiċjali tal-Pulizija. Min-naħa tiegħu, il-Malti ma ammettiex u ngħata l-ħelsien mill-arrest.

Fil-Qorti ħareġ kif l-inċident seħħ meta allegatament iż-żewġt irġiel, David Gareth Jones ta’ 27 sena li joqgħod il-Qawra u Christopher Alfred Saliba ta’ 28 sena minn San Pawl il-Baħar bdew jinsulentaw lill-Pulizija meta kienu fis-sakra.

Wara dan kollu l-Pulizija tefgħu liż-żewġ rġiel ‘l barra mill-club f’Paceville. Kien f’dan il-waqt li Jones ħareġ €50 u offrihom lill-Uffiċċjal Pubbliku, u qallu biex jitlaq minn fuq il-post.

Għaldaqstant quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, Jones u Saliba ġew mixlijin li weġġgħu, heddew u għamlu offiża fuq Pulizija, u li reżistewhom bi vjolenza. Apparti hekk huma ġew mixlijin wkoll li kienu fis-sakra f’post pubbliku.

Min-naħa tiegħu, Jones waħdu kien mixli wkoll li li pprova jħajjar lill-Pulizija biex jirċievi flus u dan biex jikkorrompih. Jones ammetta għall-akkużi u ngħata sentenza sospiża u multa, Saliba wieġeb mhux ħati iżda ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €7,000.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef.