Lokali

Muscat f’Istanbul…jindirizza summit li jinsab ibbojkotjat

Waqt is-summit li fetaħ ilbieraħ f’Istanbul, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi “din hija l-ewwel darba li d-dinja qed tiltaqa’ flimkien biex tiddiskuti dwar kriżijiet tal-umanità”. Li ma qalx il-Prim Ministru Malti kien illi dan is-Summit Umanitarju jinsab ibbojkotjat minn diversi organizzazjonijiet internazzjonali.

L-organizzazjoni tat-tobba Medecins Sans Frontieres qalet li din hija laqgħa “imbarazzanti u diżonesta”. Tant li irrifjutat milli tattendi fit-Turkija.

Loretta Minghella, il-Kap Eżekuttiv tal-organizzazjoni Christian Aid, qalet illi “il-kliem biss mhux biżejjed biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet enormi ta’ persuni vulnerabbli illi ħajjithom imkissra bi kriżijiet umanitarji.”

Minn fost il-pajjiżi tal-G7 kienet biss il-Kanċillier tal-Ġermanja Angela Merkel li lbieraħ kienet preżenti għall-ewwel sessjoni tas-summit.

Is-summit jiġi fi tmiemu illejla.