Lokali

Muscat iwebbes rasu quddiem il-maġġoranza assoluta tal-Parlament Ewropew

Illum, ir-reputazzjoni ta’ Malta ħadet daqqa ta’ ħarta oħra wara li Muscat kompla jwebbes rasu minkejja l-maġġoranza assoluta tal-Parlament Ewropew. Il-vot tal-Parlament Ewropew dwar in-nomina ta’ Leo Brincat kien ċar, iżda Muscat għażel li jiġi jaqa’ u jqum minn din il-maġġoranza.

Dak li għamel Muscat hu aġir perikoluż, għaliex għażel li jiftaħ front kontra l-Parlament Ewropew ftit ġimgħat biss qabel pajjiżna jieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Minflok ra kif għamel biex ikollu l-kunsens tal-istituzzjonijiet kollha Ewropej, Muscat aġixxa b’mod ċar​ li jiġi jaqa’ u jqum mill-Parlament Ewropew li hu stess kien membru tiegħu.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jinsisti li Muscat m’għandux imur għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea b’Keith Schembri u Konrad Mizzi mgħażżra ma’ għonqu. Keith Schembri u Konrad Mizzi huma l-kaġun tal-fatt li pajjiżna qed jieħu reputazzjoni ħażina ġimgħa wara l-oħra. Muscat, iżda qed jagħżel li jibqa’ jiddefendi l-indifensibbli.