Ewropa

Muscat jgħid illi l-UE lesta tistenna lis-suċċessur ta’ Cameron

ROBERT CREMONA jirrapporta minn Brussell

Hekk kif ġie fi tmiemu l-ewwel jum tas-summit fi Brussell, jidher li kien hemm qbil ġenerali fil-laqgħa tat-Tlieta illi l-UE se tistenna li jinħatar is-suċċessur ta’ David Cameron qabel ir-Renju Unit jiddeċiedi x’tip ta’ relazzjoni irid mal-UE.

Fil-laqgħa kien hemm konverġenza dwar il-fatt illi r-Renju Unit għandu bżonn aktar ħin, u għalhekk il-mexxejja Ewropej lesti jistennew sa wara s-Sajf, meta imbgħad jinħatar il-Prim Ministru l-ġdid.

F’kummenti li għadda lill-media, il-Prim Ministru Malti Joseph Muscat qal illi r-Renju Unit m’għandux l-iċken idea ta’ x’tip ta’ relazzjoni irid mal-UE. U għalhekk “mhux se taqa’ d-dinja jekk nistennew xahrejn”.

Imbgħad f’Settembru jew Ottubru għandhom jitressqu l-proposti dwar relazzjoni futura mal-UE, li żgur se tkun inferjuri għas-sħubija. “Żgur li mhux se jkun hemm liberta’ ta’ moviment ta’ persuni mir-Renju Unit”, sostna Muscat.

Il-Prim Ministru Malti qal illi anke dwar il-Presidenza tal-UE, Cameron irid li deċiżjoni tittieħed mill-Prim Ministru il-ġdid.
Il-Presidenza tar-Renju Unit kellha tkun fit-tieni nofs tas-sena d-dieħla, eżatt wara Malta. Muscat qal illi għada se jiġu diskussi x-xenarji kollha fuq din il-kwistjoni tal-Presidenza.