Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal fil-Parlament li mhux se jikkummenta dwar is-Segretarju Parlamentari Ian Borg.
Muscat għadda dawn il-kummenti wara li kien mistoqsi mill-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil biex jgħid jekk hux se jkun qed jissospendi lil Ian Borg wara li l-uffiċċju tal-Ombudsman stabbilixxa irregolarità u abbuż deliberat fil-mod kif saret l-applikazzjoni għal żvilupp fi proprjetà tal-istess Segretarju Parlamentari.
L-applikazzjoni kienet b’rabta ma’ żvilupp fil-Wied ta’ Santa Katarina, fir-Rabat. Wara li investiga l-każ, l-Ombudsman bagħtu għand il-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni staqsa lill-Prim Ministru Muscat jgħid jekk għandux xi stqarrija x’jagħmel fil-Parament wara dak li rriżulta s’issa, meta dak li kien dikjarat ifisser li l-iżgħar membru parlamentari, is-Segretarju Parlamentari Ian Borg, żvija apposta. Dan wara li l-aktar deputat anzjan fil-Parlament, fuq in-naħa tal-Gvern ukoll, aġixxa b’imġiba ta’ theddid fil-Parlament.
Staqsa jekk dak li rriżulta s’issa hux business as usual għall-Prim Ministru, u jekk hux se jieħu passi jew jissosspendih meta s-Segretarju Parlamentari Ian Borg qiegħed taħt investigazzjoni mill-Kummissjoni kontra l-Korruzzjoni.
Il-Prim Ministru wieġeb li f’dan l-istadju m’għandux stqarrijiet x’jagħmel, u m’għandu xejn xi jżid waqt li rrimarka li wara li jintemmu l-proċeduri lest jagħmel dikjarazzjonijiet u jagħti spjegazzjoni wkoll ta’ ineżattezzi tal-Ombudsman.
L-inqas li jista’ jagħmel Muscat hu li jneħħi lil Ian Borg sakemm jinqata’ l-każ – il-PN
B’reazzjoni għal dan, il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qal li l-inqas li jista’ jagħmel Muscat hu li jneħħi lil Ian Borg sakemm jinqata’ l-każ.
//= $special ?>