Lokali

Muscat jibqa’ jmeri lill-esperti

Il-Prim Ministru Joseph Muscat spiċċa jmeri lill-esperti tal-Kostituzzjoni u qal li l-ħatriet taż-żewġ Maġistrati ma jmorrux kontra l-Kostituzzjoni.

Dan minkejjal li hemm qbil li dak li għamel il-Gvern ta’ Muscat huwa bl-aktar mod ċar kontra l-Kostituzzjoni.

Muscat qal li ma nkisritx il-Kostituzzjoni meta kien qed jindirizza ġemgħa partitarji Laburisti f’Ħal Qormi.

Iżda b’din id-dikjarazzjoni, Joseph Muscat mera fost l-oħrajn lid-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi – il-professur u espert kostituzzjonali – Kevin Aquilina – li bla tlaqlieq qal li l-ħatriet hi “gaffe doppja”. Mhux talli hekk – talli żied li l-każ qas biss kellu għalfejn jinstema’ quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja – għax il-Kostituzzjoni hi ċara daqs il-kristall.

Iżda mhux biss. Bid-dikjarazzjoni tiegħu, Muscat mera wkoll esperti kostituzzjonali oħra li tkellmu mal-ġurnal The Times li qalu li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista għandhom ikunu implimentati “mingħajr iktar dewmien”.

L-espert Kostituzzjonali Kevin Aquilina qal ukoll li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma pass fid-direzzjoni t-tajba.

Iżda mhux biss l-esperti kostituzzjonali – anke’ l-avukati u dawk li jaħdmu fil-professjoni legali qalu ċar u tond li l-ħatriet taż-żewġ Maġistrati bi ksur tal-Kostituzzjoni ma kienux f’lokhom.

Minkejja dawn l-istqarrijiet kollha ċari u tondi, il-Prim Ministru dalgħodu għażel li jgħid li mexa kif suppost.

Dan kollu fl-istess waqt li l-Ħadd stess, il-gazzetti komplew jinsistu li l-ballun qiegħed f’saqajn Musact – li jaqbad u jagħmel il-bidliet li hemm bżonn. Argument li għamlitu l-gazzetta The Malta Independent fl-Editorjal tagħha, b’The Times tgħid li hi responsabilta’ sħiħa tal-Gvern li jara li jbiddel il-mod kif jinħatru l-membri tal-ġudikatura.

Intant, b’reazzjoni għall-kummenti ta’ Muscat li l-Oppożizzjoni għandha titlob skuża lill-poplu, l-Partit Nazzjonalista qal li huwa Muscat innifsu li għandu jitlob skuża talli kiser il-kostituzzjoni, talli qed jisraq lill-poplu b’prezzijiet esaġerati tal-petrol u d-diesel, talli berbaq il-miljuni fl-iskandli Gaffarena, tal-Cafe’ Premier u l-Australia Hall, talli qed ihallas 13,000 ewro fix-xahar lill-mara tal-ministru Konrad Mizzi, talli qed itellef fondi tal-Unjoni Ewropea, talli għolla l-kirjiet tal-Housing, u talli se jwebbes rasu u jeqred iż-Żonqor.