Lokali

Muscat ma jgħidx il-verità anke dwar dawk l-aktar vulnerabbli

Joseph Muscat mhux biss ma jgħidx il-verità biex jiddefendi lill-id il-leminija u l-id ix-xellugija tiegħu li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, imma ma jgħidx il-verità wkoll dwar dawk l-aktar vulnerabbli, jiġifieri dawk li qed jgħixu fil-faqar.

Saħaq dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija fejn qal li flok żamm mal-wegħda tiegħu li jeqred il-faqar f’pajjiżna, dalgħodu Joseph Muscat ma qalx il-verità meta qal li n-numru ta’ dawk li jinsabu fil-faqar naqas, u li dan il-kliem qalitu l-Caritas. Wara aktar minn tliet snin b’Muscat fil-Gvern, il-faqar f’pajjiżna mhux talli ma nqeridx, iżda talli kompla jiżdied.

Ir-rapport tal-Caritas – li hu rapport professjonali u li l-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon – mhux talli ma jgħidx li l-faqar naqas, iżda talli jagħti diversi proposti ta’ kif il-faqar f’pajjiżna jista’ jiġi indirizzat. Dan minbarra l-fatt li Muscat irnexxielu jagħmel lil Malta l-aqwa fl-Ewropa f’dak li għandu x’jaqsam mal-għoli tal-ħajja, u dan peress li waqt li l-konsumaturi Ewropew gawdew mir-roħs fil-prezzijiet tal-fuels, Muscat żamm il-prezz tal-petrol u d-diesel f’Malta għoli.

Il-PN temm jgħid li d-diskors ta’ Muscat ta’ dalgħodu jikkonferma kemm Muscat la għandu soluzzjonijiet u lanqas irid jindirizza l-isfidi tal-familji Maltin u Għawdxin, ewlenin fosthom it-traffiku u l-fatt li familji ma jlaħħqux bil-paga sal-aħħar tax-xahar.