Ambjent Kunsilli Lokali Lokali

Muscat m’għandu ebda kredenzjali ambjentali: Il-PN iwieġeb dwar Manoel Island

Wara li dalgħodu, l-Prim Ministru tkellem għall-ewwel darba dwar il-kwistjoni li nqalgħet b’rabta mal-aċċess għal Manoel Island, il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija qal li minkejja kull attentat li jiprova jagħmel, il-Prim Ministru Joseph Muscat m’għandu ebda kredenzjali ambjentali tant li dan il-Gvern żgur li se jibqa’ mfakkar bħala wieħed li qered l-ambjent ta’ pajjiżna. Eżempji klassiċi b’rabta ma’ dan huma l-qerda taż-Żonqor kif ukoll id-deċiżjoni li joħorġu l-permessi għall-bini ta’ 5 skyscrapers f’ġurnata waħda.

Dalgħodu, Muscat qal li r-residenti tal-Gżira għandhom ikollhom aċċess għall-kosta ta’ Manoel Island. Muscat għamel dawn id-dikjarazzjonijiet wara ġimgħat sħaħ ta’ protesti u attivitajiet li fihom, ir-residenti tal-Gżira, fosthom il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista, nsistew li l-familji tal-Gżira jingħataw id-dritt tagħhom: jiġifieri aċċess għall-kosta ta’ Manoel Island.

“Issa, wara ġimgħat twal b’ħalqu magħluq, Muscat qed jiprova jagħti l-impressjoni li se jkun qed jagħmel xi ħaġa dwar l-aċċess għall-kosta ta’ Manoel Island,” qal il-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt, kompla jgħid il-Partit Nazzjonalista, l-uniku poter biex il-kosta ta’ Manoel Island tingħata lura lill-familji tal-Gżira jinsab f’idejn il-Gvern u għalhekk Muscat messu ħa azzjoni sa mill-bidu nett.

Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kunsillieri Lokali tiegħu fil-Gżira, ilhom għal dawn l-aħħar ġimgħat, f’isem ir-residenti tal-Gżira, iżda anke f’isem il-poplu Malti u Għawdxi, jagħmlu pressjoni biex il-kosta in kwistjoni tingħata lura lir-residenti.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li minkejja kull attenat biex jiprova jiġbor ġieħu, Muscat, għal darb’oħra qed ifalli. Il-poplu Malti u Għawdxi m’għadux jibla l-ispin ta’ Muscat, iżda sar jinduna li l-politika ta’ Muscat hija bbażata biss fuq spin, gideb u reċti, temm jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Tistgħu ssegwu l-kummenti li taw il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Gżira fl-aħħar jiem hawn taħt: