Lokali

Muscat mhux kapaċi jilħaq qbil

Hija għal kollox ħrafa li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ma jridx li l-Ministri jattendu l-laqgħat tal-Ministri Ewropej. Dan ilu jsir għal dawn l-aħħar tnax-il sena u qatt ma xekklu x-xogħol tal-Parlament għaliex il-Ministri dejjem għarfu jirrispettaw ukoll il-ħidma parlamentari tagħhom.

Fil-Parlament, il-bieraħ, flok uża l-maġġoranza tiegħu biex isaħħaħ il-Parlament, Joseph Muscat uża l-maġġoranza tiegħu biex jiprova jmewwet l-Oppożizzjoni. Dan juri kemm il-poter tela’ għal ras Joseph Muscat, tant li lanqas huwa kapaċi jilħaq ftehim.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ripetutament appella lill-Prim Ministru sabiex jintlaħaq qbil fuq żewġ punti kardinali sabiex il-Parlament tassew ikun vuċi għan-nies: l-ewwel, li darba fil-ġimgħa ssir sessjoni ta’ Mistoqsijiet lill-Prim Ministru u t-tieni, li ġimgħa iva u ġimgħa le jkun hemm ġurnata dedikata għad-dibattitu tal-mozzjonijiet mressqa mill-Oppożizzjoni. Fuq iż-żewġ punti, Joseph Muscat, b’ebusija tar-ras, baqa’ jsabbat saqajh u jirrifjuta sal-aħħar.

Dan juri li Joseph Muscat jibża’ jiffaċċja lill-Kap tal-Oppożizzjoni fil-Parlament bħalma beża jiffaċċjah f’Xarabank għal sentejn sħaħ.

Għal darb’oħra, Joseph Muscat wera li mhux kapaċi jilħaq qbil u huwa bniedem li moħħu biss fil-firda u l-konfrontazzjoni. Mhux ta’ b’xejn li n-nies qed jiddejjqu minn dan l-istil ta’ politika.