Lokali

Muscat, Schembri u Mizzi għas-Singapore biex jaraw it-tanker li se jitpoġġa fil-bajja ta’ Marsaxlokk

Minkejja li falla tliet dati li fihom Muscat wiegħed li se tibda taħdem il-Power Station il-ġdida li wiegħed qabel l-elezzjoni ġenerali, l-Gvern xorta waħda mistenni jħares lejn il-ftuħ ta’ din il-Power Station b’pompa kbira hekk kif din il-ġimgħa, l-Prim Ministru Joseph Muscat, ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru responsabbli mill-enerġija Konrad Mizzi se jkunu qed imorru Singapore fejn bħalissa qed jinbena t-tanker tal-gass li se jitpoġġa f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk.

The Sunday Times fil-faċċata ta’ wara żvelat dan fid-dawl tal-fatt li din il-ġimgħa stess, mistoqsi minn netnews.com.mt, Muscat ma riedx jagħti data ġdida għal meta se tibda taħdem il-Power Station tal-gass. Hu qal biss li “fil-jiem li ġejjin il-ġurnalisti se jkunu mistednin għal attività tal-media li fiha se jingħataw id-dati l-ġodda.”

Qabel l-elezzjoni ġenerali, Muscat kein qal li se jibni Power Station ġdida sa Marzu 2015 – 16-il xahar ilu – u li jekk din ma tkunx lesta sa dakinhar, jirriżenja. Imbagħad, f’Diċembru 2014, qal li l-Power Station se tkun lesta sa Ġunju 2016. Fi Frar ta’ din is-sena, imbagħad, Muscat qal li l-Power Station mhix se tkun lesta sa Ġunju li għadda, iżda se tkun lesta fis-sajf. Issa, Muscat ma jridx jagħti d-data l-ġdida – xi ħaġa li l-Partit Nazzjonalista ddeskriviha fi stqarrija aktar kmieni din il-ġimgħa bħala konferma tal-fatt ta’ kemm il-kelma ta’ Muscat ma tiswa’ xejn.

Dwar iż-żjara fis-Singapore, għadu mhux magħruf il-fatt jekk din hux se titħallas mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi jew inkella mill-konsorzju li qed jibni l-Power Station. Din il-Power Station ilha f’nofs kontroversja mill-bidu nett, b’mod speċjali fis-sajf li għadda meta nkixef il-fatt li l-Gvern ta garanzija bankarja ta’ €360 miljun lill-konsorzju privat biex tinbena din il-Power Station.

F’Lulju tas-sena li għaddiet – 12-il xahar ilu – l-Partit Nazzjonalista ressaq mozzjoni fil-Parlament biex il-Gvern jippubblika l-kuntratti kollha relatati ma’ din il-Power Station, iżda sena wara, l-Gvern għadu ma ppubblika ebda kuntratt.
Il-fatt li Singapore se jmorru Muscat, Schembri u Mizzi jikkonferma l-fatt li din il-Power Station hija l-inizjattiva personali tagħhom it-tlieta flimkien. Fil-fatt, dakinhar li ġie żvelat li l-Partit Laburista kien qed iwiegħed din il-Power Station, il-konferenza tal-aħbarijiet kienet indirizzata minn Muscat u Mizzi, waqt li Schembri kien qed jagħmel xogħlu minn wara l-kwinti bħala l-bniedem li mexxa l-kampanja elettorali tal-Partit Laburista.

Ħamest ijiem wara l-elezzjoni ġenerali, bdew jinfetħu l-kumpaniji sigrieti fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi, li, fi kliemhom stess, infetħu biex fihom jitfgħu s-senserija – dikjarazzjoni li qajjmet suspetti kbar ta’ korruzzjoni minħabba l-fatt li Ministru ma għandu ebda lok ieħor minn fejn idaħħal flus ta’ senserija.