Lokali

“Naqblu mal-mozzjoni ppreżentata mill-Oppożizzjoni dwar il-vot 16” – il-President tal-KNŻ

Il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) iddikkjara li jaqbel mal-mozzjoni li tressqet mill-Oppożizzjoni u mid-Deputat Indipendenti Marlene Farrugia dwar il-Vot 16. Dikjarazzjoni li saret mill-President tal-KNŻ Michael Piccinino f’indirizz waqt laqgħa mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-bini tal-Parlament.

Ilbieraħ, l-Oppożizzjoni flimkien mad-Deputat Marlene Farrugia, ippreżentaw mozzjoni konġunta li permezz tagħha qed tiġi proposta emenda fil-Kostituzzjoni biex żgħażagħ ta’ 16-il sena jkunu jistgħu jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali.

Waqt il-laqgħa li kellu dalgħodu mal-KNŻ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil talab lill-KNŻ biex jagħmel pressjoni dwar din il-kwistjoni, sabiex il-mozzjoni tkun diskussa mill-aktar fiss.

“Wara l-Vot 16 għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, il-pass loġiku hu Vot 16 sħiħ”, qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wat il-laqgħa. Hu kompla li dan ifisser li l-Vot 16 għandu jingħata mhux biss għall-elezzjonijiet ġenerali, iżda anke għar-referenda u elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-KNŻ Michael Piccinino qal li l-KNŻ ilu snin twal favur il-Vot 16 għall-elezzjonijiet ġenerali. “Il-pożizzjoni tagħna dwar il-Vot 16 hija ċara. Naqblu mal-mozzjoni tal-Oppożizzjoni”, kompla jgħid, filwaqt żied li d-diskussjoni fil-Parlament għandha ssir “immedjatament”.

Intant, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil innota li jekk il-Gvern verament jaqbel mal-Vot 16, għandu mhux biss iressaq il-mozzjoni għad-diskussjoni fil-Parlament mill-aktar fiss, iżda wkoll jivvota favuriha.